Il-Malta Community Chest Fund qed tkun riformata bi pjan li din tlaħħaq aktar mat-talbiet li jsiru mill-pubbliku fil-bżonn u tifrex aktar is-servizzi. Fl-ewwel sitt xhur tal-2014, 500 persuna ngħataw għajnuna mill-Community Chest Fund biex imorru l-Ingilterra għall-kura. Dettalji dwar din ir-riforma ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u Prof Karm Borg.
Il-President sostniet li li jista’ jkun li l-fond tal-Community Chest Fund ma jlaħħaqx biżżejjed għall-ħtiġijiet mitluba. Permezz tar-riformi, il-Community Chest Fund se ssir fondazzjoni. Fil-kampanji ta’ ġbir mhux se jibqa’ jkun hemm lista tal-għaqdiet li se jibbenefikaw, iżda se jkunu identifikati numru ta’ setturi li fihom se jingħataw il-fondi.
Coleiro Preca appellat biex din l-Istrina tkun ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà bejn il-poplu. L-għaqdiet iridu japplikaw f’Jannar biex jibbenefikaw mill-fondi, bis-setturi indentifkati għall-ghajnuna huma t-trobbija, it-tfulija, ix-xogħol, is-saħħa, il-faqar, id-djalogu u l-ekoloġija.
Bħas-soltu, l-Istrina se ssir fis-26 ta’ Diċembru. Madankollu, din is-sena, f’Jum il-Milied se ssir ukoll l-Istrina f’Għawdex, filwaqt li fil-ġimgħat ta’ qabel se jsiru diversi attivitajiet oħrajn fosthom fun run, irkant, bike ride, attività ta’ solidarjetà mill-istudenti, il-kampanja tal-piggy bank fost it-tfal u Paqpaqli għall-Istrina.
//= $special ?>