Internazzjonali

Diffiċli li l-Ebola tinfirex fil-Punent bl-istess mod li nfirxet fl-Afrika – il-WHO

L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li minħabba strutturi b’saħħithom tal-kura tas-saħħa fil-Punent, hu diffiċli li l-Ebola tinfirex bl-istess mod li nfirxet fl-Afrika.

Madankollu f’Madrid, passiġġier li kien abbord ajruplan tal-Air France hu suspettat li għandu l-Ebola. Il-passiġġier hu raġel min-Niġerja, li kien beda vjaġġ f’Lagos. Barra minhekk, aktarx feġġ l-ewwel każ fid-Danimarka. Dan il-każ jikkonċerna ħaddiem ta’ Medecins Sans Frontieres, li kien għadu kemm irritorna mill-Punent tal-Afrika.

Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan Barack Obama qed jinsisti li hu inprobabbli li fl-Istati Uniti tfaqqa’ epidemija. Obama saħaq li r-riskju li l-Amerikani jiġu infettati hu wieħed baxx ħafna. Sadanittant, l-awtoritajiet Amerikani qed jippruvaw isibu lil 132 persuna li kienu abbord titjira interna flimkien mal-infermiera li din il-ġimgħa nstab li kienet it-tieni Amerikana li spiċċat mardet bl-Ebola.