Fit-tliet xhur tas-Sajf, il-Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi ma ġabarx l-informazzjoni dwar kemm hi l-waiting list tal-persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar ieħor. Fil-Parlament, il-Ministru Mizzi informa lid-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
It-talba mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa saret fis-17 ta’ Lulju li għadda, meta staqsa kemm hu n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku u jekk ilhomx jistennew anqas minn tliet xhur, bejn tliet xhur u sitt xhur, bejn seba’ xhur u 12-il xahar, bejn 13 u 24 xahar, bejn 25 u 36 xahar, kif ukoll aktar minn 36 xahar.
Wara t-tweġiba tas-Segretarju Parlamentari Chris Agius, f’isem Konrad Mizzi li ma kienx preżenti fil-Parlament, Claudio Grech staqsa kif wara tliet xhur l-informazzjoni għadha mhix imwieġba. Dan minkejja li meta kien hemm diversi okkażjonijiet fil-media, rappreżentanti tal-Gvern qalu li l-waiting lists qed jitnaqqsu. Dan ifisser, sostna Claudio Grech, li l-Gvern għandu l-informazzjoni miġbura.
Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka li jidher li din l-informazzjoni qed tingħata lill-media iżda mhux lill-Parlament.
//= $special ?>