Għat-tieni darba din il-ġimgħa, l-Aġenzija Ewropea tal-Istatistika, l-Eurostat, poġiet lil Malta fl-aħħar post, u b’hekk kompliet tikkonferma kemm il-Gvern Laburista jinsab ‘il bogħod milli jilħaq l-hekk imsejħa ambizzjoni tiegħu li jagħmel minn pajjiżna l-aqwa fl-Ewropa.
Fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament u l-Kelliem għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi ż-Żgħar Mario de Marco, Tonio Fenech il-Kelliem għall-Finanzi u l-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittivita’ Kristy Debono saħaq li wara li jumejn ilu, l-UE poġġiet lill-Malta bħala l-agħar fl-industrija, illum l-Eurostat poġġa lill-Malta bħala l-agħar fl-Ewropa f’żewġ aspetti importanti tal-ekonomija: l-importazzjoni u l-esportazzjoni, li rreġistraw, fil-perjodu bejn Jannar u Lulju, kollass ta’ 10% u 24% rispettivament – fiż-żewġ każi l-akbar tnaqqis minn madwar it-28 Stat Membru fl-Unjoni Ewropea. Ċifri inkwetanti għax pajjiżi oħrajn qed jirreġistraw riżultati ferm aħjar – kważi nofs l-UE rreġistrat żieda fl-esportazzjoni. It-tnaqqis qawwi ta’ pajjiżna, li jpoġġina l-aħħar fl-Ewropa, jerġa’ hu aktar mid-doppju ta’ min qiegħed qabilna, qabel tal-aħħar.
Aktar inkwetanti minn hekk huwa li din l-istatistika mhix xi xejra iżolata, iżda trend kontinwu li ddominat l-ewwel sentejn ta’ amministrazzjoni Laburista.
Filwaqt li t-tnaqqis kbir fl-esportazzjoni jorbot mill-qrib mal-problemi fis-setturi industrijali ta’ pajjiżna li l-Partit Nazzjonalista diġà tkellem fuqhom din il-ġimgħa, id-daqqa ‘l isfel fl-importazzjoni, hija sintomu wkoll tal-fatt li, anke kieku hemm tkabbir ekonomiku ta’ veru, kif qed jinsisti l-Gvern dan mhux qed jinħass mill-familji, fi bwiet in-nies u fil-pagi tal-ħaddiema li qed isofru għafsa ‘l isfel.
L-Partit Nazzjonalista kkokluda li għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jittama li l-Gvern huwa tant konvint bir-riżultati tiegħu, m’għandux isib diffikultà biex filwaqt li jsaħħaħ l-inċentivi lis-sidien ta’ negozju biex dawn jinvestu aktar, ikompli fejn ħalla l-Partit Nazzjonalista u jkompli jnaqqas mill-piż tat-taxxi, biex b’hekk iħalli aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin.