Lokali

Il-Gvern għandu ħafna xi jwieġeb dwar l-Air Malta

Wara li fl-aħħar jiem, ġie rrappurtat li l-Air Malta se tagħmel telf ta’ €16 miljun sal-aħħar tas-sena minflok riżultati breakeven kif ippjanat fil-pjan ta’ ristrutturar, f’konferenza tal-aħbarijiet fl-inħawi tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-Oppożizzjoni appellat biex il-Gvern iwieġeb id-diversi mistoqsijiet li tqajjmu fl-aħħar jiem.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo qal li jekk hemm il-ħsieb li jinbigħu partijiet mill-Air Malta, il-Gvern għandu jgħid x’inhuma l-pjani, liema partijiet se jinbigħu u lil min se jinbigħu. Tkellem ukoll dwar l-ingaġġ ta’ persuni li, minn risposta Parlamentari li saret it-Tnejn li għadda, irriżulta li n-numru ta’ impjegati ġodda li ddaħħlu mal-Air Malta fl-aħħar 12-il xahar kien ta’ kważi 300 u li aktar minn nofshom iddaħħlu b’kuntratt indefinit fuq bażi full-time jew part-time.

Min-naħa tagħha, il-Kelliem tal-Oppozizzjoni ghall-Affarijiet Ewropej Marthese Portelli qalet li f’dan il-mument kruċjali, il-Gvern m’għandux jilgħab man-nar. Fakkret li l-pjan ta’ ristrutturar li kien ħejja Gvern Nazzjonalista kien sar bi qbil mal-Oppożizzjoni Laburista u ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea, li kienet ikkonfermat il-pjan.

Marthese Portelli rreferiet għal dikjarazzjoni li kien għamel il-Prim Ministru f’April li għadda, meta qal li l-Gvern hu kunfidenti li l-pjan ta’ ristrutturar tal-Air Malta se jsalva l-kumpanija. Madankollu, kien saħaq li l-Gvern għandu wkoll pjani għall-Air Malta bħal tal-Enemalta. Fakkret li sa sitt xhur wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, l-eks Chairperson tal-Air Malta Ray Fenech kien ikkonferma li l-pjan kien qed jimxi kif ppjanat.

Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-kandidat ġdid tal-PN Aaron Micallef.