Ambjent Lokali

Il-KE b’talba formali lill-Gvern Malti biex jikkunsidra d-deċiżjoni li jiftaħ mill-ġdid l-istaġun tal-insib

Il-Kummissjoni Ewropea għamlet talba formali lill-Gvern Malti biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni li jiftaħ mill-ġdid l-istaġun tal-insib. It-talba saret hekk kif l-insib hu pprojbit mil-leġislazzjoni Ewropea għall-konservazzjoni tal-għasafar.

Il-Kummissjoni Ewropea kellha tieħu din id-deċiżjoni wara li l-Gvern Malti applika għal deroga fid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar biex minn din is-sena jsir insib fuq seba’ speċi differenti ta’ vrieden. L-Istati Membri jistgħu japplikaw għal deroga bħal din f’każ ta’ protezzjoni stretta u jekk ma jkunx hemm soluzzjonijiet sodisfaċenti ta’ konservazzjoni.

Madankollu, skont l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni rat li l-applikazzjoni tal-Gvern Malti ma timxix ma’ dawn il-kriterji u għalhekk kellha tibgħat avviż formali lill-Gvern.

Ir-reazzjonijiet …

Fi stqarrija wara li l-Kummissjoni Ewropea ħarġet din it-talba formali, il-Kumitat kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) qalet li l-limitu ta’ vrieden li suppost jinqabdu diġà nqabeż sew minn dawk li jonsbu illegalment. CABS qalet li se tkun qed issegwi mill-qrib dak li jiġri fl-istaġun, li min-naħa tagħha ddeskrivietu bħala “illegali” għax “jikser id-Direttiva tal-Għasafar tal-UE”. CABS ikkritikat b’mod partikolari lill-Gvern talli ħareġ il-liċenzji għal numru ta’ postijiet kbar biex jintużaw għall-insib.

Min-naħa tagħha, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) wegħdet l-għajnuna esperta kollha tagħha lill-Gvern f’dan il-każ għax qed issostni li pajjiżna għandu dritt japplika għal din id-Deroga. L-FKNK sostniet li kull Deroga li tiġi applikata hi speċifika għal kull pajjiża, kif ukoll li fid-Derogi jeżistu kriterji ġenerali li japplikaw fl-Istati Membri kollha. L-FKNK qalet li qabel ma applika għad-Deroga, il-Gvern ħejja studji xjentifiċi u tekniċi biex ikunu rispettati l-parametri u l-kundizzjonijiet tad-Direttiva tal-Għasafar. Saħqet li fil-ħidma tiegħu għall-applikazzjoni, il-Gvern kellu l-approvazzjoni tal-Kumitat Ornis.

L-istaġun tal-insib se jibqa’ għaddej – il-Gvern

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-istaġun tal-insib se jibqa’ għaddej kif ippjanat. Il-Gvern qal li ma jaqbilx mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-mod kif qed tinterpreta d-Deroga fid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.

Fl-istqarrija, il-Gvern qal li se jkompli jiddefendi d-drittijiet leġittimi tan-nassaba, f’konformità mal-Liġi nazzjonali u dik Ewropea. Għaldaqstant, l-istaġun tal-insib se jinfetaħ kif kien ippjanat.