Il-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi jrid jerfa’ r-responsabbiltà politika għas-sitwazzjoni diżastruza li ġab it-traffiku fiha, sena u nofs wara li ħa t-tmexxija ta’ dan il-qasam f’idejh. Dan imur kontra wegħda oħra elettorali tal-Partit Laburista, meta kien qal li “nagħtu prijorità lill-problema tat-traffiku, li qed taffettwa l-kwalità tal-ħajja tal-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin”.
Dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista, li fiha fakkar kif traġitti li normalment ma jieħdux aktar minn kwarta, qed jieħdu aktar minn siegħa sforz l-inkompetenza tal-Ministru tat-Traffiku. Dan qed isir askapitu anke tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Barra minhekk, dan qed ikun ta’ piż kbir f’ħela ta’ ħin u spejjeż fuq ħafna familji. Anke t-tfal tal-iskola qed ibatu l-konsegwenzi billi qed idumu ħinijiet twal fil-mezzi tat-trasport li jwassluhom l-iskola, minbarra l-fatt li qed ikollhom iqumu kmieni biex imorru l-iskola jew jaslu tard għal-lezzjonijiet.
Il-PN qal li wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ukoll it-tniġġis tal-arja ta’ madwarna, li b’mod dirett taffettwa s-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna. Li l-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi tilef ir-roadmap żgur mhix perċezzjoni tal-poplu. Il-Ministru ma jistax jibqa’ jitkellem qisu għadu fl-Oppożizzjoni u jekk mhux kapaċi jirranġa s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna, għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>