Eżitu ta’ tama fi tmiem laqgħa għall-kredituri ta’ More Supermarkets li saret dalgħodu, fejn it-tmexxija tal-katina More spjegat is-sitwazzjoni diffiċli li kellha tħabbat wiċċha magħha l-kumpanija matul dawn l-aħħar ġimgħat. Madankollu, spjegat it-tmexxija ta’ More Supermarkets, pjan ta’ ristrutturar programmat għax-xhur li ġejjin għandu jwassal biex il-kumpanija tibda tirpilja u tqum fuq saqajha.
Fuq kollox, it-tmexxija ta’ More tat assigurazzjoni lill-kredituri tagħha li se jitħallsu minnufih tax-xogħol u s-servizzi li se jissuplixxu, kif ukoll li minnufih se jibda jinqata’ d-dejn li nġabar. Min-naħa tagħhom, il-kredituri jidhru li huma impenjati biex jgħinu lill-kumpanija terġa’ tirpilja u tqum fuq saqajha. Madankollu, il-pjan ippreżentat lilhom għad irid ikun studjat bejn il-kredituri innifishom.
More Supermarkets spiċċaw f’din il-qagħda mwiegħra wara li ngidmu parzjalment mill-allegat frodi ta’ €40 miljun minn Ryan Schembri, li għadu maħrub u li qed ikun imfittex mhux biss mill-Pulizija biex jgħin fl-istħarriġ, iżda wkoll mill-investituri u n-negozjanti li jridu flushom lura, kif ukoll il-profitti u l-imgħaxijiet imwiegħda lilhom.