Għawdex Lokali Saħħa

L-MUMN b’direttivi immedjati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għax il-Gvern mhux iżomm il-wegħdiet li għamel

L-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ordnat direttivi b’effett immedjat fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minħabba li fi kliem l-union il-pazjenti anzjani mhumiex prijorità għad-Dipartiment tas-Saħħa. Fi stqarrija, l-MUMN qalet li matul din is-sena u nofs, id-Dipartiment tas-Saħħa ħalla li jkun hemm nuqqas ta’ Carers fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, b’detriment kbir għall-pazjenti u r-residenti anzjani.

L-MUMN qalet li dan seħħ minħaba li numru ta’ Carers kienu trasferiti għal Security Guards mingħajr ma ntbagħat ħadd minflokhom. Bħalissa, kompliet tgħid l-union, hemm nuqqas ta’ madwar 20 Carer fi sptar żgħir bħall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fakkret li ilha għal aktar minn sena tibgħat ittri dwar il-ħtieġa ta’ dawn il-Carers. Madankollu, minkejja ħafna wegħdiet, it-talbiet tagħha qatt ma kienu mismugħa.

L-istqarrija tal-MUMN temmet tgħid li wara sena u nofs ta’ wegħdi mhux imwettqa, li matulhom id-Dipartiment tas-Saħħa għadda lill-MUMN biż-żmien, issa jidher ċar li l-pazjenti anzjani mhumiex prijorità għad-Dipartiment tas-Saħħa.