Editorjal

Meta twiegħed żewġ nisa li tiżżewwiġhom

Wiegħed kollox lil kulħadd u issa qed jiffaċċja l-konsegwenzi. Din hi fil-qosor il-kwistjoni kollha li nqalgħet fis-saga taż-żewġ power stations li Joseph Muscat waħda biegħha liċ-Ċiniżi u l-oħra qal li se jibniha fi żmien sentejn imma lanqas biss beda.

Wiegħed li jixtri l-elettriku kollu li tipproduċi l-power station tal-Electrogas
Joseph Muscat sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali aċċetta offerta biex tinbena power station ġdida privata taħdem bil-gass u – kruċjali din – aċċetta li jintrabat li jixtri l-elettriku kollu li tipproduċi għal 18-il sena sħaħ bi prezz maqbul għal 5 snin biss.

Wiegħed liċ-Ċiniżi li jbegħelhom il-power station tal-BWSC
Meta tela’ fil-Gvern, Joseph Muscat wiegħed ukoll liċ-Ċiniżi li se jbegħelhom il-power station tal-BWSC. Dik kienet power station li hu ma ried b’xejn u qal li hi ħażina, imma meta ġew iċ-Ċiniżi qalulu, “Ara, dik irridu, il-power station effiċjenti li biha qed tiffranka 50 miljun ewro fis-sena.” U aċċetta li jbegħhielhom.

L-EneMalta mhijiex se tibqa’ tipproduċi elettriku
Ladarba l-power station tal-BWSC se tkun f’idejn iċ-Ċiniżi, u ladarba l-power station ġdida tal-gass se tkun tal-privat, l-EneMalta x’se tagħmel? L-EneMalta kulma se jibqagħlha hi l-grid tal-elettriku – il-wires li jwasslu d-dawl u l-interconnector, il-cable li se jkollna ma’ Sqallija grazzi għall-Gvern Nazzjonalista.

L-EneMalta se tispiċċa kumpanija tal-wires
Kulma se tagħmel l-EneMalta hu li tixtri l-elettriku mingħand iċ-Ċiniżi jew mingħand l-Electrogas jew mill-interconnector u tqassmu f’Malta. L-EneMalta se tkun biss kumpanija tal-wires. Imma issa hawn hu l-bużillis kbir. Iċ-Ċiniżi qed jgħidulu lill-Gvern, “Trid tassigurana li tixtri l-elettriku tagħna.” L-elettriku mhuwiex landa tal-kunserva, tista’ terfagħha, tista’ tbigħha għada. L-elettriku trid tipproduċih dak il-ħin stess li qed jintuża. U ħadd mhu se jixtri power station biex iħalliha mitfija.

Diġà marbut mal-Electrogas b’katina
Imma Muscat diġà ntrabat mal-Electrogas li jixtri l-elettriku tagħhom. U l-elettriku tat-tnejn f’daqqa – tal-Electrogas u tal-BWSC – hu d-doppju ta’ kemm Malta jkollha bżonn elettriku fi żminijiet normali. Dan hu l-bużillis. U għalhekk l-Electrogas għadha ma ħallsitx il-kapparra ta’ 30 miljun ewro li tant kien ftaħar bihom Muscat, u għalhekk il-proġett tal-Electrogas għadu ma bediex, u għalhekk iċ-Ċiniżi qomsu.

Wiegħed li jiżżewweġ żewġ nisa f’daqqa
U dak li ġara issa hu storja tal-films. Qisu Muscat wiegħed żewġ nisa li jiżżewwiġhom, waħda minnhom organizzat it-tieġ, u l-oħra saret taf. Ix-xena – jew xenata – tal-għarusa li ndunat qiegħda sseħħ proprju issa, fil-kurituri tal-poter.