Kunsilli Lokali Lokali

Minħabba li falliet il-wegħda tal-Gvern li jlesti l-Power Station, il-pajjiż se jkollu jixtri elettriku aktar milli għandna bżonn

Issa li l-Gvern falla fil-wegħda li jlesti Power Station fi żmien sentejn, il-pajjiż se jkollu jixtri elettriku aktar milli l-pajjiż għandu bżonn u bi prezzijiet ogħla minn dawk li l-pajjiż jista jixtri kieku l-elettriku jittieħed mill-interconnector. Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta indirizza laqgħa għall-Kunsilliera tal-PN fid-Dar Ċentrali.

Simon Busuttil qal li l-Gvern inganna lin-nies meta wiegħed li se jlesti Power Station fi żmien sentejn, meta dan ma kienx possibbli. Il-Kap tal-Oppoizzjoni kompla li minbarra dan, il-Gvern qed jorbot lill-pajjiż li jixtri enerġija mingħand il-kumpanija Electrogas għal 18-il sena bi prezz li hu garantit biss għal ħames snin. Fl-istess waqt, il-Gvern qed jintrabat ukoll li jixtri elettriku mill-impjant tal-BWSC, li issa se jinxtara miċ-Ċiniżi, li min-naħa tagħhom iridu li l-elettriku kollu li jipproduċi jinxtara mill-Gvern Malti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-Enemalta hemm taħwid sħiħ, tant li issa l-Enemalta biegħet il-Petrolium Divison lill-Gvern għas-somma ta’ €80 miljun. Dan sar minn wara dahar kulħadd u mingħajr ebda informazzjoni. Il-Kap tal-PN ikkritika wkoll lill-Gvern għall-fatt li minkejja l-kritika dwar il-fabbrika tal-kanċer, il-Power Station tal-BWSC għadha titħaddem bil-Heavy Fuel Oil. Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru kompla jinganna lin-nies meta sa ftit ġranet ilu baqa’ jsostni li l-proġett tal-Power Station il-ġdida kien on-track meta l-fatti kienu li dan kien off-track bil-kbir.

Meta tkellem dwar il-Kunsilli Lokali, Simon Busuttil spjega kif l-intenzjoni tal-Gvern kienet li jħassar l-elezzjonijiet li jmiss, iżda kienet il-pressjoni li għamel il-PN li wasslet biex l-elezzjonijiet se jsiru. Din il-pożizzjoni turi d-differenza bejn il-PN u l-PL fil-Kunsilli Lokali, bil-PN ikun il-partit li mhux biss ħoloq il-Kunsilli, iżda l-partit li jemmen fihom bil-provi.