Lokali Parlament

Tal-PL maqdru l-impjant tal-BWSC iżda llum ifissruh bħala “żvilupp lejn enerġija nadifa”

Fis-snin li għaddew, il-Partit Laburista tant maqdar l-impjant tal-BWSC f’Delimara, tant li kien iddeskrivih bħala “fabbrika tal-kanċer” u dwaru wiegħed li mill-għada li jitla’ fil-Gvern jaqleb il-Heavy Fuel Oil għad-diesel. Madankollu, illum qed jgħid lill-Unjoni Ewropea li l-impjant tal-BWSC hu “żvilupp lejn enerġija nadifa”.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija George Pullicino qal dan fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament u fisser li kien hemm min impressjona ruħu li traħħas id-dawl mhux għax għamel il-Power Station, iżda minħabba li bl-impjant li tant maqdru, il-Gvern qed jiffranka madwar €1 miljun fil-ġimgħa grazzi għall-effiċjenza tal-impjant. B’dan biss, il-Gvern illum seta’ jraħħas il-kontijiet.

Sal-lum, il-Heavy Fuel Oil għadu jintuża, anke jekk wiegħda oħra tal-PL kienet li mill-għada li jitla’ fil-Gvern jibda juża’ d-diesel. George Pullicino qal li għaldaqstant, dak li fi żmien Gvern Nazzjonalista kien dnub, illum sar don. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni fakkar ukoll li l-poplu kien emmen ukoll li kapaċi jkollna Power Station fi żmien sentejn, tant li sa sena ilu l-Gvern kien għadu jgħid li se jlesti l-Power Station il-ġdida. Kien konvint ukoll li jagħti prezz għax-xiri tal-gass għal 10 snin u issa niżżel il-perjodu għal ħames snin.

Il-PL kien qal ukoll li ried jagħmel Power Station ġdida biex jagħti enerġija nadifa għax l-impjant tal-BWSC kien “fabbrika tal-kanċer”. F’dokument li bagħat lill-Unjoni Ewropea f’Mejju 2014, il-Gvern spjega kif se jintużaw il-fondi ta’ €1,000 miljun mill-UE li kiseb Gvern Nazzjonalista. Id-dokument jgħid li fis-sezzjoni tal-enerġija, il-bini tal-impjant tal-BWSC hu żvilupp lejn enerġija nadifa.

Filwaqt li staqsa għaliex il-Gvern qed jaħbi dawn il-kuntratti li ffirma dwar il-Power Station il-ġdida, George Pullicino sostna li mhux ġust li l-Gvern jiffirma f’isem il-poplu u l-poplu ma jafx xi ffirma u kif se jolqtu. Fakkar ukoll li Joseph Muscat wiegħed ukoll lill-ħaddiema tal-Enemalta li dak li kienu jdaħħlu sal-lum fil-but, jibqgħu jdaħħluh. Madankollu, anke din il-wiegħda tal-Partit Laburista illum taret mar-riħ.

Id-Deputat Nazzjonalista qal li f’Lulju 2013 il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li sa Settembru 2013 kien se jippubblika r-reviżjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija Nadifa. Iżda issa, wasalna f’nofs Ottubru 2014 u aktar ninn sena wara d-deadline li ta hu stess sal-lum il-Pjan għadu ma deherx. Barra minhekk, kien hemm wiegħda oħra li l-Enemalta ma tkunx privatizzata, iżda llum għandna żewġ terzi tal-ġenerazzjoni f’idejn il-privat b’żewġ ftehim iffirmati li għadhom moħbija.