Il-plejer ta’ Liverpool Mario Balotelli atakka lill-eks kowċ nazzjonali tal-Italja Cesare Prandelli filwaqt li qal li jifhem għaliex il-kowċ attwali, Antonio Conte qed iħallih barra mill-iskwadra. Prandelli mexxa lit-tim Taljan waqt it-Tazza tad-Dinja iżda wara li t-tim safa eliminat mill-fażi tal-gruppi Prandelli offra r-riżenja tiegħu u ingħaqad mal-klabb Tork ta’ Galatasaray.
Minflok Prandelli l-FIGC ħatret lill-eks kowċ ta’ Juventus Antonio Conte u minn meta Conte ħa post Pnradelli dan dejjem ħalla barra lil Balotelli mit-tim u għażel plejers bħal ma huma Pelle u Zaza minfloku.
“Nifhem għaliex qed nitħalla barra mit-tim. Mhux qed nuri xi logħob mill-aqwa u plejers oħra qed jiskurjaw regolari. Mhux se neħodha kontra Conte għax lil min għażel ħaqqu jkun parti mit-tim. Li hu żgur hu li ħadd ma jista’ jakkużani li ma nħobbx lit-tim nazzjonali u lill-pajjiżi,” qal Balotelli fl-ewwel kummenti tiegħu.
“Ninsab ferm diżappuntant b’dak li qalu n-nies dwari wara li intemmet it-Tazza tad-Dinja. Kien hemm ħafna li qalu li l-Italja kienet eliminata minħabba l-wirjiet tiegħi. F’turnament sħiħ kelli tnejn jew tliet ċansijiet ta’ skor u ħadt wieħed minnhom, kontra l-Ingilterra. Ma tantx naħseb li stajt nagħmel aktar minn hekk. Prandelli kien wieħed minn dawk li ikkritikani mal-ġurnalisti u nemmen li kieku veru kien raġel kien jiġi jikkritikani f’wiċċi u mhux iwassal il-messaġġ li kellu jgħidli permezz tal-ġurnalisti,” kompla jgħid Balotelli. Dan tal-aħħar temm billi faħħar ħafna lill-kowċ ta’ Liverpool Brendan Rodgers u qal li hu kowċ serju li żgur se jgħinu jitjieb.
//= $special ?>

