Ekonomija Lokali

Il-familji Maltin iħallsu bl-għoli għad-deċiżjonijiet ta’ Muscat – il-PN

Hekk kif il-prezz taż-żejt niżel fl-anqas livelli tiegħu mill-2008, il-familji Maltin u Għawdxin qed jibqgħu jħallsu prezzijiet sostanzjalment ogħla għall-fuels li jixtru, fosthom il-petrol u d-diesel. F’Mejju 2014, ftit jiem qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u meta l-prezz taż-żejt kien qrib il-$100 kull barmil, Muscat ħareġ jiftaħar li li kien qed iraħħas il-prezz tal-petrol b’2ċ. Fl-istess waqt, rabat lill-poplu Malti b’dan l-istess prezz għall-bqija tal-2014.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif minn Mejju ‘l hawn, il-prezz taż-żejt niżel bi kwazi 20% u jinsab qrib it-$80 kull barmil. Minkejja dan, il-familji Maltin u Għawdxin qed ikomplu jħallsu għall-petrol u d-diesel bl-għoli. F’Settembru 2010, meta l-prezz taż-żejt kien niżel fil-livelli li jinsab fihom illum, il-prezz tad-diesel kien 30ċ anqas kull litru, filwaqt li dak tal-petrol kien ta’ 24ċ anqas kull litru.

Fid-dawl ta’ dan, il-familji Maltin u Għawdxin jistennew li b’ġustizzja, fid-dawl tal-prezzijiet ferm orħos taż-żejt li jista’ jgawdi minnhom pajjiżna, kif ukoll fid-dawl tal-istqarrijiet ripetuti tal-Gvern dwar kemm hi b’saħħitha l-qagħda ekonomika u finanzjarja, il-prezzijiet tal-fuels jiġu riveduti ‘l isfel biex jirriflettu r-realtajiet tas-suq kif inhuma llum, temmet tgħid l-istqarrija.