Ekonomija Lokali

Il-Gvern jippreżenta l-Abbozz tal-Baġit 2015

Il-Gvern qed jimmira li jkompli jċaqlaq l-enfasi minn tassazzjoni diretta għal taxxi indiretti. Dan ħareġ minn Abbozz tal-Baġit 2015 li ppubblika l-Gvern u li kopja tiegħu ngħatat ukoll lill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, fl-Abbozz ma jingħadx eżattament kif se jsir iċ-ċaqlieq, ħlief li jeskludi fir-rata tal-VAT.

Mira oħra tal-Baġit hi li d-defiċit jinżel għal 1.6% sal-aħħar tal-2015 u d-dejn ikun ta’ 69% tal-Prodott Gross Domestiku. Il-Gvern qed ibassar ukoll li t-tkabbir ekonomiku għall-2015 ikun ta’ 3.5%. Riformi partikolari li semma’ l-Gvern u li se jħallu impatt fuq il-finanzi tiegħu huma t-trasport pubbliku, li skont il-pjani tiegħu se jerġa’ jkun imħaddem mill-privat, u l-aħħar injezzjoni ta’ kapital lill-Air Malta bħala parti mill-ftehim milħuq mal-Kummissjoni Ewropea.

Mhux magħruf kif se jintlaħqu dawn il-miri kollha, speċjalment dawk marbuta mal-finanzi pubbliċi, fl-isfond ta’ aħbarijiet kontrastanti li feġġew matul l-2014. Fost dawn kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni industrijali, iż-żieda fin-nefqa pubblika ġġenerata minn mijiet ta’ persuni li ddaħħlu jaħdmu mal-Gvern, l-ispiża tat-trasport pubbliku u inċertezza dwar it-tlestija tal-proġett tal-Power Station il-ġdida.