Internazzjonali Sport

Il-verdett finali għal nhar it-Tlieta

L-Imħallef Thokozile Masipa se tħabbar il-verdett finali dwar jekk Oscar Pistorius hux se jmur il-ħabs jew le nhar it-Tlieta 21 ta’ Ottubru. Dan ġie żvelat il-bieraħ fl-aħħar jum ta’ smigħ tas-sentenza fejn waqtu l-prosekutur u l-avukat tad-difiża ippreżentaw l-aħħar argumenti tagħhom. Pistorius kien qatel lit-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp f’Jum San Valentinu tal-2013 imma ma instabx ħati ta’ qtil premeditat. Hu jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs imma jista’ jingħata sentenza sospiża jew multa.

Għall-ewwel darba minn kemm ilu li beda l-ġuri l-avukat tal-prosekuzzjoni Gerrie Nel u l-Kap tad-difiża Barry Roux esprimew dak li jixtiequ mingħand l-Imħallef Masipa.

Roux iddeskriva lil Pistorius bħala persuna li diġa’ patta għal dak li għamel u minn ‘ikona tal-isport’ fl-Afrika t’Isfel spiċċa bħala ‘bniedem imkisser’ li ma fadallu xejn f’ħajtu, la maħbuba, la ħbieb u lanqas flus. Roux talab biex Pistorius jingħata sentenza ta’ tliet snin ‘house arrest’ u xogħol fil-komunità. Roux qal li għal Pistorius ikun diffiċli li jiskonta piena ta’ ħabs, speċjalment minħabba l-fatt li hu diżabiltat.

Minn naħa tiegħu Nel qal li t-talba ta’ Roux hi waħda ‘assurda’ u fl-istess ħin talab biex Pistorius jintbagħat għal minimu ta’ 10 snin ħabs. Barra minn hekk, Nel talab biex la darba Pistorius joħroġ mill-ħabs dan ma jkunx permess li jkollu fil-pussess tiegħu arma tan-nar. Pistorius, minbarra li kien spara lil Steenkamp, f’każ ieħor kien spara f’ristorant ftit ġimgħat qabel ma qatel lil Steenkamp.