Hekk kif illum komplew il-proċeduri dwar l-estradizzjoni ta’ Sebastiano Brunno, il-mexxej mafjuż li fil-bidu ta’ Ottubru kien arrestat f’pajjiżna, saret il-preżentazzjoni uffiċjali tad-dokumenti mitluba mill-Italja biex dan jiġi estradit. Id-dokumenti ġew ippreżentati mid-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech, li ppreżentat ukoll l-awtorizzazzjoni skont il-Liġi mill-Ministru tal-Ġustizzja.
X’ħin kienet ħiereġ mill-awla, Brunno qal lill-ġurnalisti li m’għandu xejn x’jaqsam mal-Cosa Nostra. Hu qed jiġi mfittex dwar numru ta’ omiċidji brutali, filwaqt li allegatament kien wieħed mill-mexxejja involuti f’bosta attakki kriminali mdemmija fis-snin disgħin. Ilu maħrub mill-2009, bil-Qorti Taljana diġà kkundannatu għal għomru l-ħabs.
Gerald Farrugia, mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, qal fil-Qorti li d-dokumenti waslu mill-Ambaxxata Taljana u b’mod immedjat kienu mgħoddija lill-Avukat Ġenerali. Il-Maġistrat Aaron Bugeja ippospona l-każ għall-Ħamis li ġej biex id-Difiża jkollha biżżejjed żmien tanalizza d-dokumenti ppreżentati.
L-Avukati Roberto Montalto u Michaela Spiteri qed jidhru għall-akkużat.
//= $special ?>

