Knisja Lokali

L-Arċisqof Pawlu Cremona jippreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu lill-Papa

Wara kważi tmien snin imexxi l-Knisja Maltija, l-Arċisqof Mons Pawlu Cremona ppreżenta l-ittra tar-riżenja tiegħu lill-Papa Franġisku. Dawn l-aħħar żviluppi qed iseħħu wara xhur ta’ spekulazzjonijiet fuq it-tmexxija tal-Knisja f’Malta u l-pożizzjoni ta’ Mons Cremona. L-Arċisqof, li għandu 68 sena, kiteb lill-Papa biex iwarrab mill-pożizzjoni. Madankollu, għadu mhux magħruf jekk is-Santa Sede aċċettatx din ir-riżenja. Hu mistenni li fil-jiem li ġejjin, il-Kurja tagħmel stqarrija uffiċjali dwar dawn l-aħħar żviluppi

Jekk din ir-riżenja tiġi aċċettata, Mons Cremona jkun l-ewwel Kap tal-Knisja f’Malta sa mis-seklu 19 li rriżenja qabel l-età tal-irtirar, li hi ta’ 75 sena. Sa mill-bidu tal-Episkopat tiegħu, Mons Cremona ħadem biex ikun viċin in-nies, iżda t-tmexxija tiegħu sabet diversi ostakli. Fost dawn, kien hemm il-każi ta’ abbuż sesswali minn Saċerdoti, l-introduzzjoni tal-Liġi tad-Divorzju u riċentament il-Liġi tal-Unjoni Ċivili.

Fuq nota aktar pożittiva, l-Episkopat ta’ Mons Cremona rat ukoll il-ġurnata meta un Ġorġ Preca sar l-ewwel Qaddis Malti f’Ġunju 2007, kif ukoll iż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta fl-2010.