Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jippubblika kull kuntratt li ffirma fil-qasam tal-enerġija qabel id-dibattitu Parlamentari dwar dan is-settur it-Tnejn li ġej. Dan għandu jsir f’ġieh it-trasparenza li Muscat tant tkellem dwarha waqt il-kampanja elettorali. Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco sostna dan waqt konferenza tal-aħbarijiet, wara li sa din il-ġimgħa stess il-Gvern ftaħar li laħaq ftehim mal-konsorzju Electrogas u ma’ Shanghai Electric, iżda Muscat għadu jżomm dawn il-ftehim mistura u moħbija mill-poplu Malti.
Il-Viċi Kap tal-PN sostna li l-poplu Malti għandu d-dritt ikun jaf xi ftehim iffirma f’ismu u bi flusu, speċjalment issa li hu evidenti li l-proġett tal-Power Station il-ġdida mhux se titlesta sad-data mwiegħda ta’ Marzu li ġej. Mario de Marco sostna li bl-iżviluppi kollha tal-aħħar jiem b’rabta mal-bini tal-Power Station il-ġdida, li wiegħed Muscat u li permezz tagħha għandhom jorħsu t-tariffi tad-dawl u l-ilma, lil Joseph Muscat m’għadu jemmnu ħadd. Fakkar kif Muscat mhux biss rabat il-futur politiku tiegħu ma’ din il-Power Station, iżda sa ftit xhur ilu baqa’ jinsisti li kollox jinsab on-track meta jirriżulta li l-Power Station għadha lanqas bdiet tinbena.
Dan hu falliment tal-akbar wegħda elettorali tiegħu u Joseph Muscat ma jista’ jwaħħal f’ħadd ħlief fih innifsu.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-PN għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicinio qal li jidher li r-roħs li qed igawdu minnu l-familji hu grazzi għall-proġetti tal-Gvern Nazzjonalista, jiġifieri bil-Power Station effiċjenti tal-BWSC u l-interconnector li għandu jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin. Pullicino fakkar fil-qerq ta’ Muscat, li jidher ukoll f’kitbiet lill-Kummissjoni Ewropea li fihom jiddeskrivi l-Power Station tal-BWSC bħala impjant ta’ enerġija nadifa.
Tkellem ukoll il-Kelliem tal-PN għall-Ippjanar Ryan Callus, li esprima t-tħassib dwar l-effetti ta’ dan id-dewmien fuq il-credit rating ta’ Malta. Fakkar li l-aġenziji tal-credit rating żammew il-credit ratings attwali ta’ Malta fuq il-premessa li tinbena Power Station fi żmien sentejn, kif imwiegħed. L-istess fil-każ tal-Unjoni Ewropea, li bbażat it-tbassir tagħha fuq dan il-proġett.
//= $special ?>