Olandiż ta’ 25 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja, li nhar il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tal-4.00 a.m. wettaq attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ tfajla, meta f’Paceville, mexa warajha u messilhal-partijiet privati tagħha.
Biondy Clayd Raafenberg, residenti n-Naxxar u li jaħdem ma’ kumpanija tal-Betting, qal permezz tal-avukati tiegħu, li dan huwa każ ta’ identita’ żbaljata. Huwa qed jgħid ukoll li kien aggredit mill-Pulizija u sofra xi ġrieħi, bħal grif f’wiċċu u f’idejh.
L-Olandiż ġie mixli wkoll li kkaġuna ferita ħafifa fuq l-allegata vittma oħra, li ħebb għaliha u nġurjaha, li pprova jaħrab mill-kustodja tal-Pulizija.
Mill-provi rriżulta li dan il-każ seħħ meta t-tfajla kienet miexja lejn is-Swieqi, wara li dawn kienu fl-istabbiliment Havana. Il-Pulizija qalet li sabet lill-akkużat fejn l-istabbiliment Burger King, flimkien ma’ xi persuni oħra. Ingħad ukoll li t-tfajla għarfet lill-akkużat bħala l-persuna li wettaq l-attentat vjolenti fuqha.
Irriżulta wkoll li kienet omm it-tfajla li għamlet ir-rapport ta’ x’kien ġara. Raafenberg ġie mixli wkoll li ħebb għall-Pulizija. Il-Qorti wara li semgħet il-partijiet talbet lill-Prosekuzjoni biex jiġu esebiti filmati tal-viċinanzi ta’ fejn seħħ l-allegat reat u tal-madwar l-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Saret talba għal liberta’ proviżorja mill-Avukati Albert Zerafa u Valentina Lattughi li kienet milqugħa mill-Qorti imma taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiddepożita €3,000 fil-Qorti u garanzija personali ta’ €7,000, filwaqt li ma jersaqx lejn Paceville u l-inħawi tal-madwar, li ma jersaqx lejn l-allegata vittma u li jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tan-Naxxar kuljum.
//= $special ?>