Qorti

Raġel bi problema akuta ta’ droga jerġa jiġi kundannt 51 xahar ħabs oħra fuq serq

Raġel ta’ 50 sena, residenti tas-Sliema, u li għandu problema akuta ta’ droga kien ikkundannat 51 xahar ħabs oħra mill-Maġistrat Neville Camilleri fuq diversi reati ta’ serq, u dan f’żewġ kawżi differenti.

Dan wara li din il-ġimgħa stess Stephen Galli imwieled l-Istati Uniti, u li għamel żmien jgħix l-Italja kien mar 21 xahar ħabs mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ammetta li wettaq diversi serqiet minn għadd ta’ ħwienet f’Tas-Sliema.
Il-Qorti għamlet komunika mad-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin biex Galli jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa minħabba l-vizzju li għandu.

Huwa reġa’ ammetta quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li fit-13 ta’ Novembru li għadda, għall-ħabta tas-5.00 p.m. fil-Belt, seraq fwejjaħ kosmetiċi minn ħanut li fit-30 ta’ Lulju li għadda, mill-istess ħanut Chemimart seraq ftit anqas minn €200 minn kaxxa tad-donazzjonijiet għall-karita.

Huwa ammetta wkoll li naqas li jħares waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Magistrati, li kiser il-probation u li sar reċidiv. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxxiet mill-Ispettur Daryl Borg.

Fil-każ l-ieħor Galli ammetta li minn Tas-Sliema, fl-4 ta’ Settembru tal-2012, għall-ħabta tal-5.30 p.m. seraq oġġetti tal-fidda u oġġetti oħra li jaqbżu l-valur ta’ €2,333.

Hawn ukoll instab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti u li sar reċidv. Għaldaqstant kumplessivament, f’temp ta’ ftit jiemn Galli spiċċa biex ġie kundannat sitt snin ħabs. Fil-każ tas-serq tal-fidda, l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Baldacchino.