Għawdex Lokali Qorti

Sentenzi ta’ priġunerija sospiża u oħrajn effettivi għall-ħamest irġiel akkużati bl-attentat ta’ serqa fil-Bubbles Bathrom

Ftit minuti wara l-10am, il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri tat is-sentenza tagħha fir-rigward tal-ħamest irġiel li fit-30 ta’ Settembru li għadda ppruvaw jagħmlu serqa kbira mill-Bubbles Bathroom fir-Rabat Għawdex.

Robert Agius u Daniel Vella, it-tnejn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, kienu kkundannati 13-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin.

Ronnie McKay u Juanito Jimenez kienu kkundannati 18-il xahar priġunerija b’mod effettiv.

Kurt Buttigieg kien ikkundannat 26 xahar priġunerija b’mod effettiv.

Fir-rigward ta’ Agius u Vella, il-Qorti qalet li sabet li mhux biss għandhom fedina penali nadifa, iżda wkoll ikkollaboraw mal-Pulizija u ammettew fi stadju bikri.

Fir-rigward ta’ McKay, Jimenez u Buttigieg, il-Qorti qalet li għalkemm dawn ammettew fi stadju bikri u kkollaboraw mal-Pulizija, xorta għandhom fedina penali li mhix nadifa bħal tat-tnejn l-oħra.

Il-ħames imputati rriżervaw id-dritt li jappellaw u l-Qorti ordnatilhom li jagħmlu garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed.

Is-sentenza moqrija mill-Maġistrat Vella Cuschieri ngħatat wara li fil-bidu tas-seduta xehed Raymond Caruana, is-sid tal-istabbiliment, li qal li hu kien qed jaħfer lill-ħames imputati. Is-sentenza ngħatat f’awla mimlija Pulizija u qraba, fejn f’mument minnhom il-ġurnalisti u l-cameramen preżenti kienu wkoll insulentati barra l-awla minn wieħed mill-ħatja.