Qorti

Sitt xhur u nofs ħabs fuq ħames pakketti bis-sustanza tal-kannabis

Sudaniż ta’ 41 sena, ġie kkundannat sitt xhur u nofs ħabs u mmultat €700 wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu ħames pakketti bis-sustanza tal-pjanta kannabis, liema pusses ma kienx għal użu esklussiv tiegħu.

Peter George, residenti l-Imsida ammetta li fil-5 ta’ Awwissu li għadda u fil-jiem ta’ qabel kellu fil-pusses tiegħu l-imsemmija droga. Fid-dawl tal-ammissjoni tiegħu l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, ikkunsidrat il-fatt li l-ammissjoni ma kienitx waħda bikrija, u l-kondotta tiegħu hija waħda nadifa.

Mill-provi rriżulta li nstabet is-sustanza Tetrahydrocannabinol li l-piż totali tagħha kien ta’ 3.55 grammi, b’purita ta’ 6.5 fil-mija. Skont il-Pulizija din id-droga nstabet fil-kamra tiegħu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Gabriel Micallef filwaqt li għas-Sudaniż deher l-Avukat tal-Għajnuna Legali Joseph Mizzi.