Wara waqfa ta’ kważi ġimgħa u nofs minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali Malti fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 il-Kampjonat BOV jirritorna bi programm sħiħ ta’ logħob hekk kif illum se jintlagħbu erba’ partiti filwaqt li għada jintlagħbu tnejn. Bla dubju l-aktar konfront li jispikka se jkun dak ta’ għada bejn ir-rivali B’Kara u Valletta. Minkejja li l-ebda minn dawn iż-żewġ timijiet m’hu qed jokkupa l-ewwel post tal-klassifika żgur li l-plejers taż-żewġ naħat se jiftakaru fil-konfront ta’ April li għadda meta fl-aħħar logħba tal-kampjonat Valletta għelbu lil B’Kara biex rebħu t-titlu li kien kważi nofsu f’idejn il-Karkariżi.
B’Kara bħalissa qed jokkupaw it-tieni post b’sitt punti taħt il-liders Hibernians filwaqt li Valletta qegħdin il-ħames b’10 punti. Kemm B’Kara kif ukoll Valletta ma tantx kellhom bidu daqstant konsistenti fil-kampjonat u fl-aħħar ħarġa tagħhom it-tnejn li huma, kontra kull mistenni, tilfu kontra timijiet li fuq il-karta huma inferjuri minnhom. Valletta tilfu 2-1 kontra Pieta filwaqt li B’Kara tilfu 3-1 kontra Tarxien. Filwaqt li meta wieħed isemmi l-konfront B’Kara v Valletta wieħed jiftakar fil-logħba ta’ April li għadda, din ma kinitx l-aħħar logħba bejn dawn it-tnejn.
F’Awwissu, proprju fil-logħba li tat bidu għal dan l-istaġun B’Kara rebħu 2-1 kontra Valleta fil-finali tas-Super Cup biex taffew kemmxejn il-weġa’ li kellhom wara t-telf tal-kampjonat. F’kummenti li ta l-kowċ ta’ Bkara Paul Zammit ġimgħa ilu waqt konferenza tal-aħbarijiet li waqtha ġew ippreżentati l-akkwisti l-ġodda dan qal li s’issa mhuwiex kuntent bil-wirjiet tat-tim li ma kienux konsistenti. Zammit madankollu kien qal li dan hu riżultat tal-bidliet kbar li kien hemm fl-iskwadra li mil-istaġun li għaddiet tilfet plejers bħal ma huma Joseph Zerafa, Rowen Muscat u Johnattann. Madankollu plejer li mistenni irritorna mat-tim l-attakkant Shola Shodiya, plejer li fi tmiem l-istaġun kien ħalla lil B’Kara imma li issa se jerġa’ jkun għad-dispożizzjoni ta’ Zammit u dan se jkun utli fid-dipartiment tal-attakk bħal ma kien fl-istaġun li għadda.
Għal Valletta se jiddebutta fuq il-bank bħala Direttur Tekniku Ivan Zammit li se jkun qed jgħin lil Gilbert Agius.
Intant, illum Hibs jilagħbu kontra Tarxien u wara li kisbu seba’ rebħiet minn daqstant partiti jridu joqgħodu attenti li ma jħallux lil Tarxien jibnu fuq dak li kisbu fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra B’Kara. Ir-rebħa fuq B’Kara kienet it-tieni rebħa li kisbu Tarxien dan l-istaġun u fuq il-karta Hibs m’għandhomx ifallu milli jieħdu t-tliet punti u fl-istess ħin jittamaw f’żelqa ta’ B’Kara jum wara. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Hibs sabuha faċli biex rebħu 5-1 kontra Naxxar.
Fl-ewwel logħba ta’ llum f’Ta’ Qali Qormi jilagħbu kontra Floriana filwaqt li fil-Victor Tedesco Stadium Sliema jiltaqgħu kontra Mosta u Żebbuġ jilagħbu kontra Naxxar.
Wieħed jista’ jqis il-konfront bejn Qormi u Floriana bħala wieħed dirett għax iż-żewġ timijiet għandhom l-istess punti, sebgħa kull wieħed. Qormi żgur li se jkollhom il-morall għoli wara li għelbu li ġabu fix-xejn lil Mosta u rebħulhom 4-0. Żgur li dan kien riżultat li ħadd ma stenna wara l-bidu kemmxejn negattiv li kelhom il-Qriema fil-kampjonat. Minn naħa tagħhom Floriana se jkunu ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Balzan. L-awtur tal-gowl ta’ Floriana, Amadou Samb se jkun sospiż għal kontra Qormi wara li irċieva r-raba’ karta safra.
//= $special ?>

