Lokali Parlament Saħħa

Tliet pazjenti jitolbu lill-Gvern mediċina b’xejn għal kura ta’ kanċer rari

Id-Deputat Nazzjonalista Michael Gonzi appella lill-Gvern biex tliet pazjenti f’pajjiżna, li qed ibatu minn marda rari ta’ kanċer fil-pulmun, jibdew jirċievu mingħajr dewmien it-trattament b’xejn ta’ kura b’mediċina li tiswa €72,000 fis-sena. Dan l-appell sar minn Michael Gonzi meta tkellem fil-Parlament fl-aġġornament dwar tliet pazjenti Maltin, li sfortunatament qed ibatu minn marda rari tal-kanċer tal-pulmun li iżda mhux dak assoċjat mas-sigaretti jew ma’ xi sustanza oħra li jagħmlu ħafna ħsara.

Jirriżulta li 45,000 persuna jbatu minn dan it-tip ta’ kanċer kull sena minn madwar id-dinja. Jirriżulta, iżda, li dan it-tip ta’ kanċer jista’ jirrispondi għal trattament permezz ta’ mediċina partikolari, li s’issa ġabet riżultati aħjar mit-trattament ta’ kimoterapija. Dan it-trattament ma jfejjaqx il-kanċer iżda jikkontrollah aħjar u jtawwal il-ħajja tal-pazjent, filwaqt li jagħmel differenza kbira għal kulmin hu milqut minnu.

Il-mediċina għat-trattament ta’ dan it-tip ta’ kanċer tiswa €6,200 fix-xahar, jiġifieri kważi €72,000 fis-sena. Michael Gonzi qal li ħadd ma jista’ jaffordja din it-tip ta’ mediċina u l-Gvern ma jagħtihiex lill-pazjenti. Id-Deputat Nazzjonalista qal li hu grazzi għall-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund li dawn il-pazjenti qed jingħataw din il-kura. Hu appella lill-Gvern biex din il-mediċina tibda tingħata b’xejn indefinittivament.

Anke l-Awtorità Ewropea dwar il-Mediċini qed tirrakkomanda din il-mediċina, li qed turi sinjali ta’ kontroll fuq il-pazjenti. Gonzi qal li t-talba speċjali lill-Gvern biex dawn it-tliet pazjenti jieħdu l-kura b’xejn indifenittivament saret fit-3 ta’ Ottubru minn Onkoloġista li qed jieħu ħsiebhom.