Iktar direttivi mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Infermieri u l-Qwiebel, l-MUMN, hekk kif fi stqarrija s-Sibt, l-assoċjazzjoni saħħqet fuq il-bżonn li l-infermieri u l-qwiebel jingħataw iktar awtonomija fil-preskrizzjoni tal-mediċini fil-wards tal-isptarijiet.
L-istqarrija tgħid li s-sistema li hawn bħalissa titlob lill-infermiera u l-qwiebel biex jimlew ittri apposta, ‘Covering Letters’ biex jitolbu l-permess mingħand it-tabib ħalli fil-ward ikollhom il-mediċini li għandhom bżonn.
Dan ma jagħmilx sens, spjegat l-istqarrija, li mbagħad tkellmet dwar l-ironija li jkollhom jitolbu l-firem tat-tobba meta ħafna drabi dawn ma jkunux jafu għal xiex qed jiffirmaw.
Din is-sitwazzjoni hija dejjem iktar gravi minħabba l-fatt li diġa’ hemm nuqqas ta’ infermieri u qwiebel fl-isptar, u din il-burokrazija tkompli żżid mal-impenji tagħhom, tenniet l-MUMN.
Fid-dawl ta’ dan, l-MUMN qed titlob lil infermiera u l-qwiebel biex, mill-1 ta’ Novembru, ma jibqgħux jimlew dawn l-ittri, jew jiġru wara t-tobba, imma se jkunu qed jimlew biss il-formola ordinarja tal-preskrizzjoni, li tinħareġ mill-ispiżerija.
Dawk id-drogi li ma jingħatawx mill-ispiżerija mhux se jkunu amministrati, spjegat l-MUMN, li saħħqet li dan ifisser li se jkun hemm mijiet ta’ drugi, fosthom antibijotiċi, drogi kontra l-viruses u oħrajn kontra d-dardir.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Prim Ministru Joseph muscat, fil-kampanja elettorali tiegħu, kien wieħed li se jnaqqas il-burokrazija. Iżda bl-affarijiet, kif inhuma sejrin bħalissa, jidher li l-burokrazija qed tiżdied, minflok tonqos.
//= $special ?>