Lokali

Il-Ministru Cardona jmur lura mill-wegħda tiegħu

Il-Ministru Chris Cardona akkumpanjat mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Fi Frar li għadda l-Ministru Chris Cardona kien ftaħar li l-Gvern se jsib xogħol alternattiv lill-ħaddiema tal-Arrow Pharm li se jispiċċaw bla xogħol mix-xahar id-dieħel.

Imma minkejja din il-wegħda, ħaddiema li tkellmet magħna spjegat li kieku ma ċemplitx lill-Ministeru lanqas biss taf x’se jsir minnha mix-xahar id-dieħel.

Iktar minn hekk, minkejja l-wegħda kienet li l-ħaddiema jingħataw xogħol garantit, din il-ħaddiema sabet mod ieħor. Qalet li lanqas biss ġiet avviċinata.

Hi tenniet id-diżappunt tagħha u qaltilna li dawn il-ħaddiema jħossuhom abbandunati.

Fid-dawl ta’ dan hi ikkuntattjat il-Ministeru u talbet li l-Ministru jiltaqa’ mal-ħaddiema biex ikunu nfurmati dwar is-sitwazzjoni tagħhom. Iżda ma ħallewhiex tiltaqa’ miegħu.

“Aħna ddispjaċuti għax illum kulħadd irid jaħdem,” spjegat din il-ħaddiema, “Kbir, żgħir, trid taħdem illum. Bilkemm ma ngħidlekx li jgħollu leħinhom miegħek għax iċċempel.”

Mill-kumpanija Arrow Pharm mistennija jitilfu xogħlhom 110 ħaddiem.