Lokali Sport

Illum bdiet l-aqwa tiġrija fil-Mediterran

Illum bdiet il-35 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race li hi waħda mill-akbar avvenimenti tal-ibburdjar offshore fil-Mediterran u meqjusa fuq l-istess livell ta’ tiġrijiet kbar bħar-Rolex Fastnet, ir-Rolex Sydney-Hobart u n-Newport-Bermuda.

Din is-sena se jkun hawn rekord ta’ 123 jott għat-tellieqa ta’ 606 mili nawtiċi mill-Port il-Kbir bil-parteċipanti ġejjin minn 20 pajjiż differenti li jfissru żieda ta’ 24% fuq ir-rekord ta’ 99 parteċipant imwaqqaf is-sena l-oħra. Aktar minn 15-il jott se jkunu qed jieħdu sehem għall-ewwel darba.

B’kollox se jkun hemm ħames tluq differenti kul għaxar minuti.
Fl-ewwel tluq kien hemm 26 jott, 35 – li hu l-akbar numru – fit-tieni tluq, 23 fit-tielet, 27 fir-raba’ u 10 fl-aħħar grupp li se jkun fih il-maxi jotts.

Matul din it-tiġrija l-parteċipanti jaqbdu rotta lejn Sqallija, għall-istrett ta’ Messina, il-gżira ta’ Stromboli u l-isfel lejn Pantelleria, Lampedusa u lura Malta. Ta’ nteress partikolari hu l-fatt li fil-lista tar-rebbieħa fl-istorja tat-tiġrija, l-jotts Taljani rebħu 15-il darba b’Malta tirbaħ sitta segwita mill-Istati Uniti b’erbgħa.
Fost il-favorti netti li jtemmu l-ewwel din is-sena hemm il-Maxi jott ta’ Igor Simic, Esimit Europa 2 immexxi mic-Champion Olimpiku u rebbieħ tal-America’s Cup, Jochen Schumann.

Dan il-jott ta’ 100 pied diġà kien l-ewwel jott li temm din it-tiġrija għal tliet snin konsekuttivi bejn l-2010 u l-2012. Ir-rebbieħ overall ta’ sena ilu, il-jott B2 ta’ Michele Galli se jkun qed jerġa’ jikkompeti fl-edizzjoni ta’ din is-sena.