Knisja Lokali

Ir-riżenja tal-Arċisqof aċċettata minn Ruma

“Ħadt id-deċiżjoni li nirriżenja f’paċi sħiħa miegħi innifsi u ma’ Alla”

Kien dan il-kumment ta’ Pawlu Cremona waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku aċċetta r-riżenja tal-Monsinjur Pawlu Cremona bħala Arċisqof ta’ Malta. Ir-riżenja, li ntalbet minħabba raġunijiet ta’ saħħa, dahlet fis-seħħ mil-lum f’nofsinhar. Monsinjur Cremona ingħata t-titlu ta’ Arċisqof Emeritu ta’ Malta.

Matul il-konferenza tal-ahbarijiet n-Nunzju Appostoliku għal Malta Monsinjur Aldo Cavalli qara ittra tal-Qdusija Tiegħu l-Papa li fiha rringrazzja lill-Monsinjur Pawlu Cremona għall-ministeru episkopali tiegħu li kien ikkaratterizzat mill-imhabba pastorali u l-kuntatt uman mill-qrib mal-poplu ta’ Alla.

Fl-istess ittra l-Papa Franġisku nnomina lill-Monsinjur Charles J Scicluna bħala Amministratur Appostoliku sakemm l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta jinħatar Arċisqof ġdid għal Malta.

Is-Santa Sede tat struzzjonijiet lin-Nunzju Appostoliku Aldo Cavalli biex jibda l-process kanoniku u ta’ konsultazzjoni u dixxerniment li jgħin lill-Qdusija Tiegħu l-Papa fl-għażla tiegħu tas-suċċessur tal-Arċisqof Cremona.

Fl-istess ittra l-Papa jsejjaħ għal talb għall-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, għall-Amministratur Appostoliku Isqof Charles Scicluna u għall-proċess kanoniku li se jwassal biex jintgħażel Arċisqof ġdid għal Malta.

Intant, fost l-ismijiet li qed jissemmew biex issa jokkupaw il-kariga li Monsinjur Pawlu Cremona se jkun qed iħalli warajh, hemm l-Isqof t’Għawdex Monsinjur Mario Grech u Dun Jimmy Bonnici.