Wara s-suċċess kbir li kiseb il-kunċert Grand Operatic Concert fis-sena 2011, il-Fondazzjoni Classique se tippreżenta kunċert ieħor f’din is-serje, bl-isem “GRAND OPERATIC CONCERT 2014”.
Dan il-kunċert, li se jittella’ is-Sibt 8 ta’ Novembru 2011 fis-7.30 ta’ filgħaxija, se jsir ġewwa it-Teatru tal-Opra Aurora, Victoria, Għawdex, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca.
U biex ikomplu jżewwqu din is-serata tant mistennija, f’dan il-kunċert se jieħdu sehem żewġ kantanti ta’ fama internazzjonali: is-sopran Norma Fantini u t-tenur Luciano Ganci t-tnejn, li kantaw f’teatri importanti madwar id-dinja fosthom Metropolitan Opera House u r-Royal Opera House f’Londra.
Ser tieħu sehem ukoll l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, li għal darba oħra ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joseph Debrincat, direttur artistiku u mużikali tal-fondazzjoni.
F’dan il-kunċert ser jiġu esegwiti arji u dwetti mill-aktar opri famużi ta’ Verdi, Puccini, Boito, Donizetti, Giordano, Catalani, u Ponchielli.
Ser jiġu interpretati ukoll mużika orkestali mill-opri bħal sinfoniji u ballet.
Biljetti għal dan il-kunċert jinbiegħu għall-prezz ta’ €15 u €10.
//= $special ?>