Knisja Kultura Lokali

Stħarriġ juri kif 98.5% ta’ żgħażagħ jgħidu li l-motivazzjoni ewlenija wara l-parteċipazzjoni tagħhom fil-festi huwa għax jagħmlu ħbieb ġodda

Loghob tan-Nar ta' Malta

Skont stħarriġ maħruġ minn proġett ko-finanzjat mill-UE bl-isem ta’ Qalb Żgħażugħa Festi Inklużivi, 98.5% ta’ żgħażagħ jgħidu li l-motivazzjoni ewlenija wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’festi reliġjużi huwa għax dawn jgħinuhom jissoċjalizzaw u jagħmlu ħbieb ġodda.

Dan l-istudju li tmexxa minn Dr Andrew Azzopardi lecturer fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u s-servizzi fil-Kommunita’ fi ħdan l-Universita’ ta’ Malta juri li l-festi reliġjużi huma l-katalisti ewlenin għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-kommunita’ li jgħinhom jiffurmaw l-identita’ u l-personalita’ tagħhom.

Mill-istħarriġ jirriżulta li l-passjoni għall-festa tar-raħal qed timxi minn ġenerazzjoni għall-oħra hekk kif iż-żgħażagħ isegwu l-eżempju tal-ġenituri tagħhom li jkunu attivi fl-organizzazzjoni tal-festa tar-raħal.

L-informazzjoni dwar dan l-istħarriġ ingħatat waqt konferenza li saret dalgħodu f’Palazzo Nobile fin-Naxxar u li ġiet organizzata wara serje ta’ seminars li ddiskutew is-suġġett.

Il-pass li jmiss f’dan il-proġett issa se jkun li jitfasslu numru ta’ proposti sabiex jiġu indirizzati l-isfidi marbuta mal-festi u biex il-festi ikunu iktar inklussivi.

Waqt il-ftuħ tal-konferenza tkellmet il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li rreferiet għall-importanza ta’ ċentri fil-kommunita’ bħall-każini tal-festi li jagħmlu ħafna ġid lill-komunita’ Maltija hekk kif minbarra li jippromovu l-kultura lokali jinkoraġixxu l-’empowerment’ fost iż-żgħażagħ.

Hi kompliet tispjega kif minbarra it-tħaddin tal-valuri nsara u kulturali, il-festi jikkontribwixxu lejn l-ekonomija hekk kif jsaħħu l-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Fl-isfond ta’ dan, għandhom ikunu ż-żgħażagħ Maltin li permezz tal-enerġija tagħhom jikkontribwixxu u jaħdmu għal l-inklużjoni ta’ kulħadd fil-festi Maltin.