Lokali

Wegħda oħra miksura

Wegħda ohra tal-Partit Laburista miksura, mhux imwettqa fiż-żmien.

Wegħda li tikkonċerna lill-komunita’ tan-nies ta’ Hal Qormi li jgħixu fiż-żona magħrufa bħala ‘Tal-Blat’. Din il-komunita’ kienet inqasmet permezz tal-bypass li kienet inbniet madwar 20 sena ilu.

F’din il-wegħda, Joseph Muscat kien wiegħed lil din il-komunita’ li fi zmien tmien xhur jew sena ta’ Gvern Laburista kien se jagħmel il-proġett ta’ pont li jaqsam il-bypass tal-Imrieħel.

Din il-wegħda, li kienet saret minn Joseph Muscat fil-25 ta’ Jannar 2013 u rapportata f’L-Orizzont tal-għada 26 ta’ Jannar, kienet saret mill-Mexxej Laburista waqt żjara li hu kien għamel lil numru ta’ familji propju f’din iż-żona.

Lill-komunita’ ta’ din iż-żona Joseph Muscat qalilhom li l-PL jirrikonoxxi li din hi kwistjoni serja ħafna u anki kien semma’ d-diżgrazzja li kienet saret f’Awissu 2005, meta żewg tfajliet ittajru minn karozza u mietu mad-daqqa. Muscat kien anki kkwotat li qal li dan il-pont se jigi jiswa madwar €400,000 u zied li jistgħu jinkisbu fondi għalih.

Il-proġett ta’ pont fi żmien sena kien anki imniżżel fil-Baġit ppreżentat mill-Gvern Laburista u fil-21 ta’ Ġunju 2013 l-Ministru tat-Trasport kien anki ħabbar kif kien se jsir dan il-pont.

Din l-informazzjoni kienet ingħatat waqt waħda mil-laqgħat imsejjħa ‘Gvern li Jisma'”. F’din il-laqgħa, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista kienu saru t-tħejjijiet meħtieġa biex dan il-proġett isir u ħabbar li anki l-pjani u d-dokumenti marbuta miegħu kienu approvati.

Minkejja li x-xogħlijiet għadhom lanqas biss bdew u fil-bypass tal-Imrieħel għad m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi xogħol, f’April li għadda il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi tkellem dwar is-sigurta’ fit-toroq u l-prijorita’ li din qed tingħata.

Hu semma’ proprju l-pont li kellu jsir fl-Imriehel, pont li suppost tlesta f’perjodu ta’ bejn tmien xhur u sena.