L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun se tkun qed ittella’ wirja ta’ arti bejn 24 u l-31 ta’ Ottubru 2014, bħala l-wirja annwali tal-każin, li din is-sena qed jiċċelebra il-35 sena mit-twaqqif tiegħu.
Diversi artisti magħrufa, li xogħolhom hu diġa’ magħruf mal-poplu, se joffru spettaklu ta’ arti lil dawk kollha li ġejjin iżuru din il-wirja.
L-esebiti se jkunu jvarjaw minn skultura sa pittura, drapp u disinni varji, li wieħed jista’ jgawdi fil-festa Maltija. L-iskop huwa li wieħed japprezza s-sinifikat sagru jew profan fil-Festi Maltin, kemm dawk tradizzjonali bħal festa tar-raħal, kif ukoll festi oħra bħal Ġimgħa Mqaddsa.
Il-wirja ser tghaqqad diversi dixxiplini ta’ arti differenti taħt saqaf wieħed. Se tingħata wkoll l-opportunita’ li mal-ismijiet popolari ikun hemm debutt fix-xena artistika ta’ Josef Spiteri, li se jippreżenta xogħol ta’ skultura varja li tmur minn disinni, mudelli ta’ skultura għall-festa Maltija sa bicciet oħra oriġinali.
Il-wirja se tkun miftuħa mill-E.T. il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, apparti li se jiġu mistiedna persuni distinti mill-qasam soċjali, artistiku u ekkleżjastiku.
Il-pubbliku se jkollu wkoll l-opportunita’ li jixtri xi wħud mill-esebiti oriġinali, filwaqt li jitkellem direttament mal-artisti biex jifhem aktar l-arti li jkun qed jara.
Se jinħareġ ukoll katalgu bil-profili kollha tal-artisti u ritratti tax-xogħolijiet esebiti, bħala kommemorazzjoni tal-istess wirja u bħala tifkira tal-35 anniversarju tal-każin.
//= $special ?>