Lokali

Aktar ħidma b’risq Private Members Bill favur l-awtonomija tal-KNPD

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista bil-koperazzjoni tas-sotto kumitat fi ħdan il-forum inkarigat mid-Diżabilita’ qed jipproponi li l-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ issir entita’ awtonoma minn kull ministru governattiv u b’hekk ikun konformi mal-Principji tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet għall-Persuni b’Dizabilita’ tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Protokol Volontarju li ġie iffirmat mill-Gvern Malti fl-2007.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret is-Sibt filgħodu fid-Dar Ċentrali tħabbar li l-Oppozizzjoni Nazzjonalista se tressaq din il-proposta bħala Private Members’ Bill quddiem il-Parlament Malti. Il-mozzjoni se titressaq mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol u Persuni b’Diżabilita’, Stephen Spiteri.

Il-Prinċipji ta’ din il-Konvenzjoni jisħqu li entitajiet bħall-KNPD għandu jkollhom rwol li jipproteġu u jippromovu d-drittijiet umani. Għaldaqstant biex dan ikun garantit l-KNPD għandu jkun indipendenti mill-Gvern sabiex ikun jista’ jeżerċita funzjoni konsultattiva u ta’ sorveljanza.

Skont il-Prinċipji tal-konvenzjoni, entitajiet bħall-KNPN għandhom jsegwu il-prinċipju bażiku tad-demokrazija u għandhom ikunu parti integrali minn soċjeta’ demokratika. Huwa għal din ir-raġuni li wieħed mil-kriterji bażiċi ta’ istituzzjoni bħall-KNPD huwa l-indipendenza mill-Gvern.

L-indipendenza tal-KNPD hija kruċjali għall-kapaċita’ tiegħu li jaħdem u jagħmel djalogu ma’ kull settur, inkluż f’każi ta’ allegat abbuż.

Sal-lum, għalkemm il-KNPD huwa mekkaniżmu indipendenti, mhuwiex imwaqqaf skont il-kriterji tal-Prinċipji ta’ din il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

B’hekk f’termini prattiċi din il-bidla tkun tista’ tgħin biex jekk persuna b’diżabilita’ jkollha xi ilment dan tista’ twasslu lil KNPD li jkun independenti mill-Gvern u b’hekk il-kunsill inkun f’qgħada indipendenti sabiex jgħin lil din il-persuna.