Waqt konferenza stampa li saret fil-Padiljun tal-Basketball ġewwa Ta’ Qali, ittellgħu l-poloz tal-Kompetizzjonijiet BOV Basketball Knockout għall-Ewwel u t-Tieni Diviżjoni tal-Irġiel.
F’kull diviżjoni ser ikunu qed jieħdu sehem sitt timijiet, b’erba’ timijiet ser ikunu qed jilagħbu fil-kwarti tal-finali waqt li żewġ timijiet oħra javvanzaw direttament għas-semi finali. Fl-ewwel diviżjoni, it-tim rebbieħ u t-tim li ġie fit-tieni post fil-kompetizzjoni tas-sena li għaddiet, Athleta u Depiro ser ikunu qed jgħaddu mill-ewwel għas-semi finali, waqt li fit-tieni diviżjoni, ser ikunu qed jittellgħu bil-polza dawk it-timijiet li ser jgħaddu.
Il-programm tal-logħob ittella’ minn Paul Sultana, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball u Peter Perotti, Chief Officer ta’ Bank of Valletta.
‘Ninsabu ħerqana għal staġun ieħor ta’ basketball eċitanti, inkluż il-kompetizzjonijiet knockout li huma mfittxija ħafna’ qal Peter Perotti. ‘Il-BOV Basketball Arena, li tagħmel parti mill-kollaborazzjoni bejn BOV u l-MBA issa bdiet tintuża filwaqt li qed isservi wkoll ta’ spazju fejn isir it-taħriġ biex b’hekk tippromwovi dejjem aktar it-talent Malti tal-basketball.’
‘L-istaġun li għadda, rajna żieda sostanzjali fl-attendenza tal-ispettaturi għal-logħob tal-basketball, xhieda ta’ interess dejjem jiżdied fil-logħba tal-basketball’ qal Sultana. ‘Ninsabu kunfidenti li din ser tibqa’ tiżdied u b’hekk tinħoloq atmosfera eċitanti waqt il-logħob’.
//= $special ?>