Lokali

FILMAT : Manuel Mallia ma jgħati ebda tweġiba dwar Al-Harati

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia ma weġibx għal sensiela ta’ mistoqsijiet b’rabta ma’ Mahdi al-Harati, is-Sindku ta’ Tripli, li dan l-aħħar kien Malta.

Rapporti internazzjonali jorbtu lil dan ir-raġel mal-al Qaeda, fejn wettaq brigati fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani.

Mahdi al-Harati, ta’ madwar 37 sena kien tfisser mill-Gvern Malti bħala bniedem li “mhux ta’ periklu għal pajjiżna” meta aktar kmieni dan ix-xahar, il-Gvern ikkonferma li kien jinsab Malta “għal żjara privata”.

B’kuntrast, fix-xena internazzjonali, al-Harati huwa meqjus bħala “Osama” l-ġdid, magħruf għat-taħriġ li joffri lil militanti Iżlamiċi, inkluż fis-Sirja. Hu saħansitra mfittex minn Spanja għall-allegat involviment tiegħu fl-attakki terroristiċi li kienu saru fil-11 ta’ Marzu tal-2004 f’Madrid.

Fost ohrajn, fl-2010 al-Hatari ħa sehem fil-missjoni Freedom Flotilla biex titwassal għajnuna f’Gaza, u li spiċċat fi traġedja wara li l-bastiment Mavi Marmara kien attakkat mis-suldati Iżraeljani. Hawn kien ikkonfrontat mill-militar Iżraeljan, u spiċċa anki jgħaddi xi jiem il-ħabs f’Iżrael.

Fl-2011 mexxa wkoll brigata marbuta mal-al-Qaeda meta f’Awwissu, attakka l-Lukanda Rixos fi Tripli, fejn kien inqatel l-eks-membru tal-Kungress Amerikan Walter Fauntro. Rapporti jsemmu li huwa kien fdat mill-Punent biex jinqabdu dawk li kienu fit-tmexxija tal-Libja fi żmien ir-reġim ta’ Muammar Gaddafi li kienu mistoħbija f’post sigriet fil-lukanda msemmija.

Fl-2011, Mahdi al-Harati kien ukoll fit-tmun tal-kampanja militari li bdiet f’Bengażi kontra t-tmexxija Libjana.

Iżda minkejja dan kollu, il-Gvern Malti ddeskriva lil dan ir-raġel bħala wieħed li mhux ta’ periklu, u s’issa l-mistoqsijiet tagħna dwar iż-żjara tiegħu f’pajjiżna u dwar il-passat ikrah tiegħu għadhom ma twieġbux.

Lanqas ma nafu jekk kellux xi rwol biex inħeles iċ-ċittadin Malti li kien maħtuf fil-Libja s-sajf li għadda…