Kultura Lokali Mużika

Maratona ta’ 50 siegħa mużika b’għan nobbli

Kulħadd iħobb il-mużika, b’xi mod jew ieħor. Daqstant huwa sabiħ meta l-mużika jintuża bħala ġest biex jinġabru fondi b’risq min hu fil-bżonn.

Dan il-ħsieb kien fil-qofol tal-maratona tal-mużika organizzata mill-istabbiliment tal-ikel Talbot and Bons f’Ħal Luqa, mill-Ġimgħa sal-Ħadd.

Maratona ta’ 50 siegħa mużika bla waqfien, bl-għan li tinġabar is-somma ta’ €10,000 b’risq YMCA Homeless u Hospice Malta.

U biex jagħtu sehemhom f’din l-inizjattiva, għexieren ta’ kantanti u gruppi mużikali offew sigħat minn ħinhom, biex idoqqu stili differenti ta’ mużika, minn jazz sa mużika folk, rock u pop.

Kien hemm ukoll attivitajiet għat-tfal, bħal face painting u animazzjoni apposta.

Minbarra l-kantanti, personalitajiet televiżivi, membri parlamentari u atturi ngħaqdu flimkien u qattgħu wieħed mill-iljieli biswit l-istabbiliment, fejn komplew iqajjmu kuxjenza dwar din l-inizjattiva.

Kemm YMCA Homeless u l-Hospice Malta jgħinnu komunitajiet fil-bżonn fis-soċjeta’ tagħna u din is-somma, bis-saħħa tal-kant u d-daqq tal-mużika, żgur li se tgħinhom fix-xogħol bżonnjuż li jagħmlu.