Internazzjonali Kurżitajiet Saħħa

Messaġġi favur għażla aktar b’saħħita dwar ix-xorb

Messaġġi ta’ twissija dwar l-ammont ta’ eżerċizzju meħtieġ biex il-ġisem jaħraq iz-zokkor f’luminata għandhom l-effett li jnaqqsu l-bejgħ tal-luminati. Dan huwa r-riżultat ta’ studju li sar f’Baltimore fl-Istati Uniti u li ġie ppublikat fl-American Journal of Public Health.

Ir-riżultati juru li fost dawk bejn 12 u 18 il-sena 35% qalu li kienu raw il-messaġġi. Minn dawn 59% qalu li kienu jemmnu dak li kien hemm miktub filwaqt li 40% qalu li l-għażla tagħhom dwar liema xarba jixtru kienet inbidlet minħabba l-messaġġ. Fil-fatt qabel ma’ tpoġġew il-messaġġi ta’ twissija 98% tax-xorb mixtri kien luminati jew xorb ieħor b’kontenut għoli ta’ zokkor. Din ir-rata niżlet għal 89% wara li tpoġġew il-messaġġi.

Il-bejgħ ta’ flixken kbar niżel minn 54% qabel il-messaġġi għal 37% waqt li kien hemm il-messaġġi filwaqt li dawk li għażlu li ma’ jixtru xejn żdiedu b’6%.

Interessanti huwa l-fatt li l-aktar messaġġ effettiv kien dak li spjega li l-250 kalorija jew 16 il-kuċċarina zokkor li wieħed isib f’luminata ta’ 590 mililitru jieħdu 50 minuta mixi biex jinħarqu. Landa ta’ 330 mililitru fiha 9 kuċċarini zokkor.