Dan huwa Gvern li huwa mibni fuq gidba kif jixhdu l-weghdiet tal-Prim Ministru li se jirnexxielu jibni Powerstation f’sentejn u li se jirriżenja jekk din il-powerstation ma tinbeniex sa Marzu tas-sena d-dieħla.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal dan waqt intervista li saritlu minn Lisa Spiteri u li xxandret fuq Radio 101 nhar il-Ħadd filgħodu.
Simon Busuttil qal li biex toħroġ il-verita kollha fuq il-każ tal-powerstation, l-Oppożizzjoni talbet li nhar it-Tnejn filgħaxija jsir dibattitu fil-Parlament dwar dan is-suġġett.
Simon Busuttil fakkar li Joseph Muscat kien qal li se jibni powerstation biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl iżda l-Gvern xorta raħħas il-kontijiet anke jekk il-Powerstation għadha mhiex lesta. Dan jindika li l-Gvern ma kellux għalfejn jibni proġett bħal dan biex iraħħas il-kontijiet.
Simon Busttil kompla li l-istrateġija tal-Gvern qed titkisser għax hi mibnija fuq il-gideb – kuntrarju għall-alternattiva tal-Gvern Nazzjonalista li kienet mibnija fuq il-verita u li hi msejsa fuq il-Powerstation tal-BWSC, fuq l-investiment fl-enerġija ġejja mix-xemx u fuq l-interconnector.
Simon Busuttil fakkar li l-Gvern Malti se jidħol fi ftehim mal-Gvern Ċiniż li se jixtri l-impjant tal-BWSC biex jixtri l-elettriku kollu tagħha anke jekk diġa intrabat li jagħmel l-istess mal-Konsorzju privat li se jibni l-Powerstation. Dan se jwassal biex il-Gvern jixtri iktar elettriku milli għandu bżonn il-pajjiż.
B’referenza għat-talba biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti li ffirma mal-Electrogas u x-Shangai Electric Power, Simon Busuttil qal li din it-talba saret biex il-Gvern iwettaq il-wegħda tiegħu tat-trasparenza. Il-Gvern mar kontra din il-wegħda wkoll meta nefaq €83 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti biex xtara bil-moħbi l-Petroleum Division tal-Enemalta.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll x’hemm wara d-dikjarazzjoni tal-Gvern li se jkun qed ibigħ parti mill-AirMalta meta Joseph Muscat dejjem saħaq li kien kontra l-bejgħ tal-Air Malta kif kien wiegħed, f’gidba oħra, li ma kienx se jipprivatizza l-Enemalta.
//= $special ?>

