Lokali

Lanqas biss saret laqgħa waħda ta’ konsultazzjoni mal-MUMN

Id-dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne li l-MUMN se tkun meqjusa bħala imsieħeb ewlieni fid-deċizjonijiet li se jittieħdu fil-qasam tas-saħħa kienet ċajta tant li għadha lanqas biss saret laqgħa waħda ta’ konsultazzjoni mal-MUMN.

Dikjarazzjoni ċara tal-President tal-MUMN Paul Pace f’avviz li bagħat lill-infermieri u l-qwiebel kollha fl-Isptar Mater Dei wara li l-infermieri kellhom laqgħa mat-tmexxija tal-Isptar li matulha kienu infurmati b’numru ta’ deċizjonijiet dwar il-ħidma tagħhom fl-Isptar Mater Dei.

Dawn id-deċizjonijiet kienu jinkludu, fost oħrajn, bdil fil-visiting hours tal-isptar u li l-infermieri jħallu s-sala tagħhom biex jaħdmu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

L-MUMN oġġezzjonat għal dan it-tibdil u mistennija tħabbar direttivi jekk id-direzzjoni tal-Isptar tibqa’ għaddejja b’dawn il-pjani. L-MUMN oġġezzjonat ukoll għall-fatt li l-MUMN ma kinitx ikkonsultata dwar dak li kien se jingħad fil-laqgħa.

Fid-dawl ta’ dan l-MUMN qalet li d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne li l-MUMN se tkun meqjusa bħala imsieħeb ewlieni fid-deċizjonijiet li se jittieħdu fil-qasam tas-saħħa kienet ċajta.

Fil-jiem li ġejjin l-Union se ssejjaħ laqgħa għall-infermieri fl-isptar Mater Dei li matulhom mistennija tħabbar direttivi li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru.