Lokali

Dħul finanzjarju sostanzjali għall-PL minn ‘jumbo screen’ bla permess deskritta minn Muscat bħala “anomalija”

Mill-jumbo screen li qed jitħaddem bla permessi meħtieġa mill-awtoritajiet u li jinsab quddiem il-bini tal-media Laburista fil-Marsa, ta’ kull xahar u kull sena l-Partit Laburista qed idaħħal dħul sostanzjali u qawwi mir-reklamar tiegħu. Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat stess li ammetta li l-jumbo screen hu bla permess. Il-każ tqajjem fil-Parlament it-Tlieta filgħaxija meta Muscat stess intervjena għall-pożizzjoni li kien qed jiddefendi l-Gvern għal diversi mistoqsijiet li saru fil-Parlament mill-Oppożizzjoni.

F’Mistoqsija Parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, u wara r-risposta li ta l-Gvern fil-Parlament, saru għadd ta’ mistoqsijiet supplimentari mid-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u David Agius. Huma talbu kjarifiki u spjegazzjonijiet b’rabta ma’ din l-attività li m’għandhiex il-permessi meħtieġa. Ir-reazzjoni tal-Prim Ministru kienet fid-dawl ta’ għadd ta’ mistoqsijiet li kienet qed tagħmel l-Oppożizzjoni b’rabta mal-jumbo screen, fid-dawl tal-fatt li hu bla permess u li minkejja dan, l-awtoritajiet qed iħalluh jintuża’ qisu m’hemm l-ebda irregolarità fit-tħaddim.

Il-pożizzjoni li ħa Muscat fil-Parlament kienet mill-aktar sorprendenti quddiem attività bla permess, tant li fisser lill-Parlament li din hi “anomalija li jekk Alla jrid ukoll tiġi irranġata”.

Minn stħarriġ li għamilna b’rabta ma’ din l-attività kummmerċjali bla permess, jirriżulta li permezz tal-jumbo screen quddiem il-bini tas-Super One fil-Marsa, il-PL qed idaħħal ammont sostanzjali ta’ flus. Jirriżulta wkoll li dan hu parti minn pakkett ta’ tliet jumbo screens. Mir-rati ta’ reklamar li ksibna, kien ikkonfermat li hemm ħlasijiet tajbin u sostanzjali, li jiddependu wkoll minn kemm ikun it-tul taż-żmien ta’ min ikun irid jirreklama fuq it-tliet jumbo screens.

Kalkolu konservattiv li għamilna juri li mill-jumbo screens il-PL u l-media tiegħu jdaħħlu f’reklamar aktar minn €163,000 fis-sena. Madankollu, il-Gvern iddefenda dan id-dħul sostanzjali mill-attività li hi bla permess billi qabbilha ma’ sempliċi “anomalija”. Quddiem dan l-aġir ta’ Muscat b’rabta ma’ attività kummerċjali li tħalliet għaddejja, minkejja li m’hemmx il-permessi meħtieġa u li minnha qed igawdi l-PL, negozjanti li ma nħarġilhomx permess simili rrimarkaw li messhom ħadu l-eżempju tal-Prim Ministru u għamlu l-flus minn “anomalija”.