Editorjal

Editorjal: Id-dibattitu dwar power station oħra f’ħames xhur, imma li għadha lanqas biss bdiet tinbena

Illejla l-Parlament Malti, għax imsejjaħ mill-Oppożizzjoni, se jiddiskuti l-wegħda kbira – miksura wkoll bil-kbir – li Joseph Muscat għamel qabel l-elezzjoni: li jibni power station oħra apparti dik li diġà hemm u li, jekk ma jagħmilx dan fi żmien sentejn minn meta jitla’, jiġifieri sa ħames xhur oħra, jirriżenja.

Dibattitu li Joseph Muscat ilu jipprova jaħarbu x-xhur
Dad-dibattitu mhux qed isir b’raj Joseph Muscat. Kieku kien għal Muscat, lanqas biss nafu li l-proġett kbir tiegħu – ta’ power station oħra f’ħames xhur – qed jiffaċċja problemi sostanzjali la għadu lanqas biss beda. Għax din hi r-realtà: li power station oħra sa Marzu mhux qiegħda lura, imma għadha ma bdietx tinbena.

Power station oħra se ssir sa Marzu li ġej? Muscat: “Konvintissmu”
Il-wegħda ta’ qabel l-elezzjoni li jibni power station oħra fi żmien sentejn, Joseph Muscat kompla jirrepetiha sa ftit xhur ilu. Fis-6 ta’ Marzu li għadda, f’għeluq l-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru, f’Dissett fuq ix-xandir pubbliku stess, mistoqsi jekk kienx għadu konvint li power station oħra ssir sa Marzu li ġej, jiġifieri sa sena wara li kien mistoqsi, il-Prim Ministru Muscat wieġeb ċar: “Iva, konvintissimu”.

Tirriżenja jekk ma tlestihiex f’sentejn? Muscat: “Jien inżomm il-kelma tiegħi”
Immedjatamet kif Joseph Muscat wera l-konvinzjoni assoluta tiegħu, Reno Bugeja kompla jistaqsih: “U jekk (il-proġett) ma jsirx hekk, għadek marbut illi tirriżenja?” Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb ċar u tond u bis-solennità kollha: “Jien inżomm il-kelma tiegħi.” Il-wegħda li jirriżenja hi ċara anke sa sena wara l-elezzjoni.

Gideb kontinwu li kollox kien on track
Il-gideb tal-Prim Ministru Muscat dwar din l-akbar wegħda tiegħu ma joħroġx biss mill-fatt li ma jżommx il-kelma tiegħu, imma joħroġ ukoll mill-fatt li l-Gvern ta’ Muscat kien qed jgħid ripetutament li kollox kien on track meta evidentement kien jaf li mhux veru li power station sa ħames xhur oħra kienet on track. Gideb kontinwu.

L-EneMalta se ssir WiresMalta
Dan il-gideb apparti ħafna gideb ieħor li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat: pereżempju li l-power station tal-BWSC se tibqa’ f’idejn l-EneMalta. Din hi gidba. Il-kontroll sħiħ fuq il-power station tal-BWSC se jinxtara miċ-Ċiniżi. L-EneMalta se jibqagħlha biss il-wires tad-dawl u l-interconnector, jiġifieri jkun xieraq li tissemma’ WiresMalta. L-elettriku se jkun f’idejn iċ-Ċiniżi u f’idejn il-privat.

Gideb, taħwid u ħabi
Dan hu għala se jsir id-dibattitu llejla: għax din hi saga ta’ gideb, taħwid u ħabi.