Lokali

Ġurament t’anzjan li kellu d-deni jaqa’ wara li dan ittieħidlu b’qerq

Il-Maġistrat ta’ Għawdex Paul Coppini iddikjara li ġurament li anzjan ħa fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fil-ħin li huwa kellu temperatura ta’ 102 deni ma jgħoddx wara li dan ikkonkluda li l-istess affidavit itteħidlu b’qerq. Il-Qorti tagħat din id-deċiżjoni fil-kawża li Michael Mizzi, Sina Mizzi u Jacob Mizzi ppreżentaw fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, fil-konfront ta’ Martin u Doris Debrincat.

Il-familja Mizzi semmiet kif fl-2006 il-qarib tagħhom Giuseppe Mizzi kien fetaħ kawża kontra Martin Debrincat b’konnessjoni ma’ kuntratt li fih l-istess Mizzi jidher li għadda l-beni immobbli tiegħu lil Brincat għal Lm21,000.

Fil-kawża li fetaħ Mizzi ċaħad li kien ta l-kunsens tiegħu biex il-proprjetà li kellu tgħaddi għand Debrincat. L-anzjan miet fl-2009 fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u fit-testment ħalla bħala eredi lil Michael Mizzi, Sina Mizzi u Jacob Mizzi.

Fl-istess sena Debrincat ippreżenta fil-Qorti t’Għawdex affidavit ta’ Giuseppe Mizzi li fih dan jgħid li ried jirtira l-kawża li kien fetaħ kontrih fl-2006 imma l-familja Mizzi ikkontestat il-validità ta’ dan l-affidavit. Mill-provi mressqin irriżulta li l-affidavit sar xahar qabel ma miet Giuseppe Mizzi u fl-isptar fejn kien qiegħed jinżamm minħabba kundizzjoni gravi li kien qed ibati minnha.

Dakinhar kellu 102 deni u skont l-ispeċjalista Robert Sciberras, li kien qed jikkurah, “għal dik l-età kienet għolja”. Fil-kawża rriżulta li Debrincat avviċina lin-Nutar Silvio Hili u lit-Tabib Michael Refalo u qalilhom li Mizzi ried jagħmel affidavit biex iwaqqa’ il-kawża li kellu kontrih.

In-Nutar Hili ġabar l-informazzjoni u flimkien mat-Tabib Refalo marru l-isptar biex ikellmu lil Mizzi. Miegħu t-Tabib Refalo ħa formula ippreparata minn qabel biex issir id-dikjarazzjoni tal-istat tajjeb mentali. Mistoqsi mill-istess tabib jekk riedx ikompli bil-kawża kontra Debrincat, Mizzi wieġbu li le u meta staqsih jekk riedx jiffirma d-dikjarazzjoni Mizzi wieġbu iva.

Madankollu l-Maġistrat Coppini rrimarka li huwa “ferm stramb” kif tħalla f’idejn it-Tabib Refalo biex ifakkar lil Mizzi bil-kawża u biex jistaqsih jekk riedx iċediha meta l-kompitu tiegħu suppost kien li jara jekk il-pazjent kien f’sensih biżżejjed biex jagħmel dak l-affidavit.

Huwa semma kif 10 ijiem qabel l-aħħar testment tiegħu Mizzi iddikjara li wara mewtu ried li l-eredi tiegħu jkomplu bil-kawża u għalhekk hemm dubji kemm bidel fehmtu malajr. Il-Maġistrat Coppini qal ukoll li huwa sema lil Mizzi jixhed u kien determinat biex jaqa’ il-kuntratt li fih jidher li ittrasferixxa l-affarijiet tiegħu.

Fl-istess waqt irrimarka li qatt ma ġie spjegat kif Mizzi kien wassal il-fehma tiegħu lil Debrincat li ried iċedi l-kawża li kellu kontrih. Il-Maġistrat Coppini kompla li l-affidavit ġie ippreżentat lill-Qorti erba’ xhur u nofs wara li miet Mizzi meta allura ma kienx għad baqalu l-opportunità li jiġi kontro-eżaminat dwaru.

Hu staqsa għaliex intagħżlet din il-proċedura minflok ma saret talba għall-ħatra ta’ assistent ġudizzjarju biex jieħu d-depożizzjoni ta’ Mizzi l-isptar. “F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ma tistax tkun moralment konvinta li Giuseppe Mizzi tassew wera l-volontà ħielsa tiegħu fl-affidavit in kwistjoni.”

Mhux talli hekk, anzi hija tal-fhema li kien aġir qarrieq użata mill-parti l-oħra permezz tat-Tabib Refalo li wasslitu biex jiffirma l-affidavit ippreparat min-Nutar Hili”. Kien għalhekk li l-Maġistrat Coppini iddeċieda li l-affidavit tal-10 ta’ Ġunju 2009 li sar minn Giuseppe Mizzi mhuwiex validu għax ma jirriflettix il-volontà tiegħu.