Lokali

“Il-Gvern Laburista ma jwettaq l-ebda wegħda għall-Għawdex”.

Il-Kumitat Reġjonali t’Għawdex tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Partit Laburista qabel l-elezzjoni wiegħed sensiela sħiħa ta’ proġetti ġodda f’Għawdex fosthom yacht marina, cruise liner terminal, Qorti tal-Ġustizzja ġdida, dar għall-anzjani ġdida u mitjar. Wiegħed ukoll xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex.

Illum il-PL jinsab fil-Gvern u sal-lum ma wettaq xejn minn dan. Mhux biss talli waqqaf il-proċess għal-”permanentlink” bejn Malta u Għawdex minkejja li ilu fuq sena li ħabbar studju fuq il-pont li jgħaqqad il-gżejjer.

Il-Kumitat qed jistaqsi x’inhu jiġri? Meta ser jitwettqu dawn il-wegħdiet? Huma mħassbin li l-unika ħaġa li saret kienet tabella ġdida mal-MCAST f’Għajnsielem minnflok inbena campus ġdid. Minħabba f’ hekk ġiet żmantellata l-iskola tal-arti li kienet imbniet permezz ta’ fondi allokati mill-UE.

Dan wassal biex skola state of the art u li kienet tattira studenti saħansitra minn Malta, ġiet żarmata b’kapriċċ tal-Gvern.

Il-Kumitat Reġjonali t’Għawdex tal-Partit Nazzjonalista innota li l-uniċi proġetti li qegħdin isiru f’Għawdex f’dan il- perjodu huma proġetti mibdija minn gvern Nazzjonalista, bħal dak taċ-Ċittadella, u l-proġett tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex li jinkludi lil Pjazza Indipendenza, Pjazza Savina u ċ-ċentru storiku tal-Belt Victoria.