Lokali

Il-kirurgi ta’ Beppe Fenech Adami “sodisfatti” bl-intervent mediku

Kienu sodisfatti l-Kirurgi li dalgħodu operaw lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami biex ineħħulu tumur ta’ kanċer minn spalltu.

Din kienet l-ewwel reazzjoni ta’ Maria Cassar, oħt Beppe, fi tmiem l-intervent mediku li dam madwar erba’ sigħat u nofs.

Maria Cassar qalet li t-tobba qalulhom li jekk kollox imur sew, il-Viċi Kap tal-PN ikun jista’ joħroġ mill-isptar f’madwar ġimgħa.

Fl-ahhar jiem bosta persuni wrew is-solidarjetà tagħhom lill-Viċi Kap tal-PN, hekk kif is-Sibt kienet organizzata Quddiesa f’Tal-Ibraġġ u llum saret ġurnata ta’ talb fil-Kappella tal-Kulleġġ San Alwiġi.

Ann, mart Beppe, u l-familja tiegħu bagħtu messaġġ ta’ ringrazzjament lill-persuni kollha li esprimew messaġġi ta’ inkoraggiment lill-Viċi Kap u li wrew solidarjetà lejh u lejn il-familja.