Lokali

Il-PM, flimkien ma’ numru kbir ta’ Ministri Libjani waslu f’Malta

Il-Prim Ministru Libjan flimkien ma’ numru kbir ta’ Ministri tal-Kabinett Libjan għadhom kif waslu f’Malta.  Iż-żjara ta’ din id-delegazzjoni mistennija ddum bejn jumejn u tlitt ijiem. Id-delegazzjoni waslet f’Malta b’jet privat.

Dan kollox tħabbar mill-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia u c-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri waqt briefing li aktar kmieni f’Kastilja.

Matul din il-laqgħa Kurt Farrugia enfasizza li ż-żjara ta’ dik li sejjaħ bħala “delegazzjoni pjuttost qawwija” tista’ titqies bħala theddida għas-sigurtà kemm għall-kabinett Libjan kif ukoll għal pajjiżna.

Ic-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri qal li l-Gvern Malti kien infurmat b’din iz-żjara il-Ħadd filgħaxija.

Id-delegazzjoni li  qed iżżur Malta hija magħmula mill-Prim Ministru Libjan Abdullah al Thinni, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Servizzi AbdelSalam al-Badri, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Mohammed Al Dayri,  il-Ministru tal-Ekonomija u l-Investiment Manbar Asr, il-Ministru tal-Edukazzjoni Fathi al Magbari u l-Ministru għall-Informazzjoni Omar Algoira. Flimkien mal-membri tal-kabinett Libjan, f’Malta hawn ukoll iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Libjan u numru ta’ konsulenti tal-Prim Ministru.

Keith Schembri żied jgħid li l-Prim Ministru u l-kabinett Libjan għażlu lil pajjiżna għax iridu li Malta tkun il-vuċi uffiċjali tagħhom fl-Ewropa.

Huwa spjega li t-talba biex il-laqgħat isiru f’pajjiżna saret min-naħa tal-Gvern Libjan u l-Gvern Malti laqa’ din it-talba anke fid-dawl tal-fatt li l-Gvern preżenti Libjan huwa l-uniku gvern fil-Libja rikonoxxut mill-Gvern Malti.

Keith Schembri qal ukoll li l-Unjoni Ewropea kienet infurmata b’mod informali dwar din il-laqgħa u tinsab interessata dwar kif se jkunu qed jiżvolġu dawn il-laqgħat. Min-naħa l-oħra sal-ħin tal-briefing l-Istati Uniti kienet għadha mhiex infurmata. Keith Schembri kkonferma wkoll li sar kuntatt bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar din iż-żjara.

Mistoqsi dwar għalfejn il-Gvern Libjan għażel proprju lil pajjiżna għal dawn il-laqgħat, il-Kap tal-Komunikazzjoni fl-Ufficcju tal-Prim Ministru Kurt Farrugia qal li ż-żewg pajjiżi huma magħrufa għall-ħbiberija politika tagħhom u fakkar li dawn il-kuntatti saru wkoll waqt il-kriżi tal-Libja lura fl-2011. Huwa qal li l-Libjani qed ifittxu stabilità politika u qed ifittxu nies li jifhmuhom u li jwasslu t-talbiet tagħhom fuq livell internazzjonali.