Lokali

Joseph Muscat għandu jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih

Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jraħħas minnufih il-prezz tal-petrol u d-diesel, fid-dawl tal-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt qed dejjem nieżel u issa laħaq l-aktar livelli baxxi fl-aħħar erba’ snin. Hi ħasra li l-familji Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw iħallsu prezzijiet ferm ogħla minn dawk li għandhom ikunu. Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco f’konferenza tal-aħbarijiet, li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech u mill-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino.

Mario de Marco rrefera wkoll għall-fatt li dan kollu jħalli impatt fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-Gvern. Irrefera għall-istatistika li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet, li poġġiet lil Malta l-agħar fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-produzzjoni tal-industrija, kif ukoll l-esportazzjoni u l-importazzjoni. L-istatistika turi li l-kompetittività ta’ pajjiżna qed tonqos u ħafna drabi l-prezz tal-petrol u d-diesel ikollu effettu fuq il-kompetittività tal-pajjiż. Għaldaqstant, fl-isfond ta’ dan kollu, il-PN qed jagħmel dan l-appell biex il-Prim Ministru jraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel minnufih.

Min-naħa tiegħu, George Pullicino ppreżenta tabella tal-prezz internazzjonali taż-żejt mill-2008 ‘l hawn (ritratt isfel). Hu wera kif minn Jannar 2013 sal-lum, il-prezz taż-żejt fis-suq internazzjonali raħas b’aktar minn 22%. Madankollu, f’Malta l-prezz tal-petrol raħas bi 2% u d-diesel raħas b’1.4%. Il-prezz tad-diesel illum hu ta’ €1.36, filwaqt li f’Settembru 2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien daqs kemm hu llum, il-prezz kien €1.06 jiġifieri 30ċ irħas.

Pullicino fakkar kif fil-kampanja elettorali ta’ qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Muscat sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jiftaħar li raħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’2ċ u li l-prezz se jibqa’ l-istess sal-aħħar tas-sena. Issa jirriżulta li dik id-deċiżjoni ma kinitx tajba għall-familji Maltin u Għawdxin għax bħalissa, suppost, il-familji Maltin qed iħallsu ferm anqas għall-fuels.

Tonio Fenech spjega kif l-iskuża tal-Gvern li hemm id-differenza tal-kampju, ma treġix. Dan għaliex anke f’Settembru 2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien bejn wieħed u ieħor fl-istess livelli ta’ dak li qiegħed fih illum, il-kambju kien jeżisti. Qal li l-familji Maltin iridu li jħallsu prezz li verament jirrifletti dak internazzjonali u mhux iħallsu aktar sempliċiment għax il-Gvern ikun ħa deċiżjonijiet żbaljati ta’ kemm jixtri u meta jixtri. Hu ddeskriva l-prezz li qed jitħallas illum fuq il-petrol u d-diesel bħala taxxa indiretta fuq il-poplu Malti biex tagħmel tajjeb għar-roħs fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Prezzijiet Crude Oil Brent 2009-2014