Kontra l-ilmenti li ilhom iressqu ħafna sewwieqa li ta’ kuljum jiltaqgħu ma’ traffiku u konġestjoni kbira ta’ traffiku fit-triq ewlenija li mir-Rabat tagħti lejn Ħ’Attard, eżattament qabel id-daħla ewlenija lejn Ta’ Qali, l-Awtorità tat-Trasport ma rriżultalhiex konġestjoni tat-traffiku.
Il-problema tat-traffiku f’din l-arterja ewlenija tat-traffiku tqajment fil-Parlament f’mistoqsija li d-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg ressaq lill-Ministru Joe Mizzi, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Id-Deputat Nazzjonalista staqsa lill-Ministru Mizzi jieħu azzjoni minnufih sabiex Transport Malta teżamina mill-ġdid l-iskop tat-traffic lights li twaħħlu fi Triq l-Imdina, direzzjoni lejn Ħ’Attard, u kantuniera ma’ Vjal l-Istadium Nazzjonali.
Antoine Borg irrimarka wkoll fil-mistoqsija tiegħu, li jekk hemm bżonn, it-traffic lights jiġu mmexxija jew eliminati minħabba l-problema evidenti ta’ ġġammjar ta’ traffiku li ħolqu.
Għal din is-sitwazzjoni tat-traffiku li tinħoloq ta’ spiss f’din il-parti tal-arterja ewlenija tat-traffiku bejn ir-Rabat u Ħ’Attard, il-Ministru Mizzi wieġeb li hu infurmat li uffiċjali tal-Awtorità tat-Trasport għamlu monitoraġġ tal-operat ta’ dawn it-traffic lights u ma jirriżultax li dawn qed jikkreaw konġestjoni tat-traffiku.
Immedjata kienet ir-reazzjoni ta’ ħafna residenti Rabtin li jużaw din l-arterja tat-traffiku ta’ kuljum, li Fuq Facebook, hekk kif it-tweġiba li ta l-Ministru Mizzi ttellgħet mid-Deputat Nazzjonalista, ħafna kkummentaw dwar din ir-risposta u l-mod kif ingħatat.
//= $special ?>

