L-Ispeaker appella lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni biex flimkien ikun hemm ftehim biex il-Parlament jersaq aktar lejn in-nies u jkun hemm aktar trasparenza fix-xogħol tal-Parlament.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel dan l-appell liż-żewġ naħat tal-Parlament f”ruling li ta llejla fil-Parlament b’rabta mat-talba tal-Oppożizzjoni biex is-seduta li ddiskutiet il-mozzjoni tal-Opppożizzjoni dwar il-proġett tal-bini ta’ power station u l-wegħda li għamel Muscat b’rabta ma’ dan il-proġett, ikun imxandar fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni.
Net TV il-ġimgħa li għaddiet ressaq talba lill-Parlament biex ixandar is-seduta dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, bil-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, talab lill-Ispeaker biex jagħti ruling anke fid-dawl tal-fatt li l-Parlament għandu jinħall mill-prassi tal-passat fid-dawl ukoll tal-qbil fil-prinċipju li hemm bejn Gvern u Oppożizzjoni biex fil-bini l-ġdid tal-Parlament jida x-xandir tas-seduti fuq l-internet kif ukoll jitwaqqaf il-Parliamentary TV Channel.
L-Ispeaker qal fid-deċiżjoni li ta, li fin-nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni, is-seduta ma tistax tixxandar, iżda appella għal bżonn ta’ qbil dwar linji gwida għax-xandir viżiv biex il-Parlament ikun eqreb in-nies u aktar trasparenti.
//= $special ?>