Fi stqrarija l-Enemalta ħabbret li qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-provista tal-elettriku għall-kmamar tal-Armier fil-Mellieħa u l-kmamar fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.
Bħal kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat, l-istqarrija tipprova tifred il-kwistjoni tat-titlu fuq l-art li dawn il-kmamar m’għandhomx, minn mal-kwistjoni tal-għoti tal-smart meters tad-dawl.
Il-Prim Ministru prova jiġġustifika l-għoti tal-smart meters billi jitkellem dwar serq ta’ dawl.
Anke l-istqarrija maħruga mill-Enemalta tipprova tifred dawn il-kwistjonijiet billi tgħid li l-provvista temporanja tal-elettriku ma tagħti lill-applikant l-ebda dritt jew titlu ta’ ebda natura fuq il-propjeta’.
Din il-pozizzjoni mill-Gvern Laburista u l-Enemalta hi differenti minn dik tal-PN li qed jiddikjara b’mod ċar il-pozizzjoni tiegħu kontra l-abbuż u s-serq ta’ art minn dawk, li kontra l-liġi, bnew kmamar jew postijiet fuq art pubblika.
L-istqarrija tal-Enemalta tgħid l-Enemalta żżomm id-dritt li ttemm ħesrem il-provvista tal-elettriku u ssostni li jekk persuni jinqabdu jaghmlu xi rregolarita’ fil-provvista tal-elettriku mogħtija jew jekk jaghtu provvista llegali lill-terzi, l-Enemalta twaqqaf is-servizz mill-ewwel.
L-istqarrija tghid li l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu fil-bini tal-ARMS sal-20 ta’ Novembru li ġej. Biex wieħed japplika jrid jħallas mizata ta’ erbgħa mija u sittin ewro u depozitu ta’ elf ewro fuq il-konsum. L-elettriku se jitħallas bir-rati tat-tariffi domestiċi u s-servizz jeħtieġ li jiġġedded kull sena billi titħallas mizata addizjonali ta’ mitejn u tlettin ewro u billi wieħed ikun ħallas l-kontijiet kollha pendenti.
//= $special ?>